AĠĠORNAT: Kif se jkunu qed jaffettwaw lill-pubbliku d-direttivi tal-MAM?

Minn għada l-Ħamis 6 ta’ Awissu fit-8.00 a.m. sal-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla f’nofsillejl it-tobba se jkunu fuq strajk bl-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), il-moħħ warajh, qed twissi lill-Gvern li tista’ testendih jekk ma jwaqqafx l-attivitajiet tal-massa.

Dr Martin Balzan, President tal-MAM, irrimarka li Malta bħalissa tinsab f’nofs epidemija ġdida ikkawżata mill-avvenimenti tal-massa li mhux biss qed iwasslu għal medja ta’ 15-il każ kuljum imma anke biex erba’ pajjiżi daħħluna fil-lista s-sewda.

Il-MAM qed takkuża lill-Gvern li kontra l-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qed iħalli l-attivitajiet tal-massa, inkluż parties, jibqgħu għaddejjin meta l-pajjiżi l-oħra tal-UE qed jagħmlu l-kontra.

“Dawn il-parties iġorru magħhom riskju kbir li jżidu l-każijiet speċjalment fost il-gruppi vulnerabbli u b’hekk qed jitfgħu f’riskju bla bżonn lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Jekk in-numri jibqgħu jiżdiedu aktar pajjiżi jistgħu jagħmluna ‘blacklisted’ b’dannu akbar għall-ekonomija”, żied jgħid Dr Balzan.

Id-direttivi tal-MAM jolqtu lill-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u ċ-ċentri tas-saħħa imma mhux lill-isptarijiet Sir Anthony Mamo, Monte Carmeli u Karin Grech. Id-direttivi jsegwu kif ġej.

Mater Dei

  • L-appuntamenti fid-dipartimenti tal-Out-Patients posposti għal ġimgħa.
  • Operazzjonijiet b’appuntamenti wkoll se jitħassru b’ġimgħa ħlief dawk urġenti u relatati mal-kanċer.
  • Posposti wkoll għal ġimgħa l-appuntamenti għall-ultrasounds.
  • It-tobba fid-Dipartiment tal-Aċċidenti u l-Emerġenza huma eżentati mid-direttivi.
  • Tobba vulnerabbli għandhom jevitaw xogħol b’kuntatt man-nies u jagħmlu xogħol amministrattiv jew iwieġbu t-telefon.

Ċentri tas-saħħa

  • It-42 klinika fil-kommunità (bereġ) għandhom jibqgħu magħluqin u ebda tabib m’għandu jattendi għal ġimgħa.
  • Iċ-ċentri tas-saħħa għandhom iħejju ‘triage desk’ li jkun immexxi minn tabib f’kull ħin.
  • Is-Sibt 8 u l-Ħadd 9 ta’ Awwissu ċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta, Furjana, Raħal Ġdid u Rabat (Għawdex) jinfetħu u t-tobba li xogħol f’ċentri tas-saħħa mhux ewlenin għandhom jirrappurtaw f’dawk ewlenin.
  • It-tobba kollha għandhom jilbsu l-ilbies protettiv imsejjaħ PPE.
  • L-appuntamenti għal konsulenzi, inkluż dwar dijabete, għandhom jiġu posposti jew isiru bit-telefon.
  • Tobba vulnerabbli għandhom jevitaw kuntatt man-nies u jagħmlu xogħol amministrattiv jew iwieġbu t-telefon.

Għawdex

  • Appuntamenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għandhom jiġu posposti għal din il-ġimgħa ħlief tobba li jaħdmu fl-onkoloġija, il-psikjatrija, il-ġerjatrija u l-pedjatrija.
  • Il-bereġ għandhom jibqgħu magħluqa.
  • Il-pazjenti għandhom jiġu evalwati fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat imma appuntamenti mhux urġenti għandhom jiġu posposti.

Sir Anthony Mamo

  • It-tobba kollha huma eżentati mid-direttivi.

Monte Carmeli u l-psikjatrija fil-kommunità

  • It-tobba kolla huma eżentati mid-direttivi għalissa.

Tobba fis-saħħa pubblika u ċ-ċentri tal-‘swabbing’

  • Dawn qed jiġu eżentati mid-direttivi proprju minħabba l-pandemija.

Karen Grech, Ġerjatrija u Rijabilitazzjoni

  • It-tobba eżentati mid-direttivi.

Obstetric outpatiens (mhux il-ġinekoloġija)

  • Anke hawn it-tobba huma eżentati mid-direttivi.
Share With: