AĠĠORNAT: Kjuwijiet twal jibdew minn kmieni filgħodu għall-Posta… Malta Post tiftaħ l-uffiċċji ta’ San Pawl u l-Qawra waranofsinhar

Il-ġbir tal-vouchers qiegħed iwassal biex in-nies jistennew sigħat sħaħ fix-xemx

Waħda mill-għajnuniet li l-Gvern ta lill-poplu fil-perjodu tal-pandemija tal-Covid-19 u biex jerġa’ jqajjem l-ekonomija lokali kienet dik tal-voucher ta’ €100. It-tqassim ta’ dawn il-vouchers lill-persuni kollha ta’ ‘l fuq minn 16-il sena kien ippjanat li jsir bil-Posta fid-djar residenzjali fejn wieħed kien mitlub li jiffirma għalihom. Għal dawn l-aħħar ġranet, numru konsiderevoli ta’ nies irċevew avviż biex jiġbru dawn il-vouchers mill-fergħat tal-Posta lokali tagħhom iżda dan wassal biex jifformaw kjuwijiet twal ta’ nies għal ħin twil. Dan wassal għal garr minħabba l-inkonvenjent għall-pubbliku u minħabba xogħol li ma jispiċċa qatt għall-ħaddiema stess tal-Posta.

Il-ħinijiet twal ta’ stennija u s-sħana li tagħmel f’dawn iż-żminijiet mhumiex jagħmlu l-proċess tal-ġbir tal-vouchers wieħed faċli. Il-vouchers jistgħu jintużaw biss sal-aħħar ta’ Settembru u diġà qribna nofs Awwissu.

Sa dalgħodu stess, mis-7.00 ta’ filgħodu, f’San Pawl il-Baħar diġà kien hemm kju twil li fosthom kien hemm anke anzjani. Sadanittant l-uffiċċju postali, fil-fatt, kien għadu lanqas biss fetaħ u wara l-bieb kellu ġurnata xogħol jistennih.

Persuni li kienu fil-kju qalu li mhuwiex pjaċir tagħhom jistennew iżda rċevew ittra bl-aħħar avviż biex jiġbru l-vouchers tagħhom u għalhekk ma kellhomx għażla oħra għajr li jittantaw jissaportu sakemm jinqdew. Kien hemm min li kien diġà pprova fil-ġranet ta’ qabel jiġbor il-vouchers però ma ħasibx minn kmieni u kien hemm wisq nies.

Fost suġġerimenti dwar it-tqassim tal-vouchers persuni qalu li dan jista’ jsir aktar faċli jekk il-Gvern jikkonsidra jerġax iqassam dawk li fadal fid-djar jew inkella jkun hemm sistema kkordinata biex il-ġbir ma jibqax isir biss mill-Posta iżda wkoll jew mill-Kunsilli Lokali jew mill-għases tal-Pulizija bħalma jsir fil-każ tal-voti. B’dan il-mod ix-xogħol jitqassam aħjar u dawk li jmorru l-Posta biex jużaw servizzi oħra ma jeħlux fil-kju ma’ dawk tal-vouchers.

Jidher li parti mill-problema qiegħda tinħoloq ukoll minħabba l-fatt li f’dawn il-lokalitajiet joqogħdu ħafna barranin, li għandhom permess ta’ residenza u allura huma eliġibbli għall-vouchers. Jidher li numru minn dawn il-barranin li jkunu jgħixu f’postijiet bil-kera jibdlu l-indirizzi tagħhom mingħajr ma jinformaw lil Identity Malta u għalhekk il-pustier ma jirnexxilux iqassam il-vouchers bil-posta reġistrata.

Intant, minħabba dawn il-kjuwijiet il-MaltaPost ħabbret li se tkun qiegħda tiftaħ b’mod temporanju waranofsinhar bejn l-4.00 p.m. u s-7.00 p.m. l-uffiċċji tagħha f’San Pawl il-Baħar u f’Buġibba. Dan mistenni jsir bejn it-Tlieta, 11 ta’ Awwissu u l-Ħamis, 13 ta’ Awwissu. Dawn l-uffiċċji se jiftħu waranofsinhar b’mod esklussiv għall-vouchers. Dawk ir-residenti li għandhom notifiki ħodor għandhom imorru fl-uffiċċju postali ta’ San Pawl, filwaqt li dawk b’notifiki bojod għandhom imorru mill-Qawra.

Share With: