AĠĠORNAT: Tliet persuni fl-ITU minħabba l-COVID-19… ħames każi fl-IDU fosthom anzjan li mhux stabbli

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li hemm tliet persuni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva biex jingħataw sapport peress li għandhom pneumonite. Filwaqt li hu biss pazjent minnhom li hu fuq ventilatur, l-oħrajn qegħdin jingħataw sapport bl-ossiġnu. 

Barra hekk, spjegat li hemm ħames każi oħra fl-Infectious Diseases Unit fejn hemm anke anzjani li mhux f’kundizzjoni stabbli. 

It-tliet każi fl-ITU huma mara ta’ 71 sena, raġel ta’ 63 sena li qiegħed fuq ventilatur u mara ta’ 53 sena.

77 persuna fi kwarantina f’Mount Carmel

Intant, il-Professur Gauci qalet li f’Mount Carmel hemm tmien pazjenti li għandhom il-COVID-19 peress li kien hemm outbreak f’sala minnhom. Magħhom hemm ukoll erba’ staff li ħarġu pożittivi. Spjegat li minħabba f’hekk, kulħadd tpoġġa fuq kwarantina u bħalissa hemm 77 staff kollu fi kwarantina. Qalet li dan kollu jġoġġi lis-sistema taħt pressjoni, iżda qalet li bħala awtorità ma jagħmlux kompromessi. 

Gauci qalet li matul dawn il-ġimgħat rajna żieda fil-każi li baqgħu telgħin. Saħqet li dawn iż-żidiet kienu relatati ma’ ċerta spikes li kellna, fosthom anke spike kbir minħabba l-immigranti li ddaħħlu bid-dgħajjes. Madankollu, is-Supretendent qalet li anke mingħajr l-immigranti, it-trend xorta baqa’ tiela’ ‘l fuq. 

F’aktar dettall, is-Supretendent qalet li fl-aħħar ġimgħa kellna total ta’ 299 każ. Spjegat li dan kien ukoll grazzi għall-fatt li ssaħħaħ l-ittestjar, fejn saru 13,239 test fl-aħħar ġimgħa biss. 

Dwar il-cluster differenti, Gauci semmiet il-klabbs ta’ Paceville minn fejn irriżultaw 33 każ u fl-aħħar ġimgħa nstabu 25 persuna oħra relatati. Semmiet cluster ieħor mill-Hotel Takeover li issa ma sabux aktar każi relatati miegħu. 

Dwar il-festa ta’ Santa Venera qalet li kienu nstabu 33 każ u llum instabet persuna oħra relatata ma’ dan il-cluster.

Flimkien ma’ dan, qalet li kien hemm ukoll numru ta’ familji li ltaqgħu għal ikliet, preċetti u parties. Fil-fatt, qalet li kien hemm 29 persuna li nstabu minn familji fl-aħħar ġimgħa. 

Cluster ieħor kien relatat ma’ studenti tal-lingwa. Fil-fatt, il-Professur Gauci qalet li dan kien cluster ta’ 14-il persuna, filwaqt li din il-ġimgħa żdiedu tlieta oħra. 

Barra minn hekk, semmiet li qed ikun hemm numru ta’ każi sporadiċi li ma tkunx tista’ tgħaqqadhom flimkien. 

Tħassib għax qed ikun hemm spill over ta’ każi f’nies ta’ ċerta età

Il-Professur Gauci wriet it-tħassib tagħha minħabba l-fatt li bil-mod il-mod qed ikun hemm spill over ta’ każi f’nies li għandhom età akbar.  Saħqet li lill-anzjani u l-persuni vulnerabbli rridu nieħdu ħsiebhom aktar għax inkella jibdew jimirdu. 

Rigward l-ittestjar, il-Professur Gauci qalet li dan se jkompli jiġi msaħħaħ, anke permezz ta’ aktar swabbing centres. Saħqet li bħala pajjiż aħna t-tielet l-aktar pajjiż fid-dinja li qed jagħmel testijiet. Spjegat li permezz ta’ aktar swabbing centres, min iċempel fuq il-111 qed jingħata appuntament fi żmien 24 siegħa u f’każi urġenti anke jsiru mal-ewwel. 

Biex jiġu protetti l-anzjani u l-persuni vulnerabbli, il-Professur Gauci qalet li qegħdin jittieħdu miżuri u anke protokolli biex ikunu protetti. Qalet li dan qed isir anke man-nies fl-isptarijiet u għalhekk qalet li naqsu ħinijiet li fihom jisgħu jsiru żjarat lill-pazjenti.

Il-Professur Gauci semmiet ukoll l-attivitajiet pubbliċi fejn qalet li qiegħda ssir enfasi fuq il-miżuri ta’ mitigazzjoni. Qalet li ma jistgħux isiru avvenimenti tal-massa u saħqet li din saret regola b’leġiżlazzjoni warajha. Semmiet ukoll li dawn il-miżuri issa qegħdin japplikaw ukoll għal bars, nightclubs u discos.

Rigward il-maskri, Gauci qalet li hemm evidenza li turi li l-maskri jgħinu biex tonqos it-trażmissjoni. Għalhekk qalet li sar avviż legali, flimkien ma’ inforzar tal-użu tal-maskri. Madankollu, Gauci qalet li l-awtoritajiet ma jistgħux ikunu kullimkien u għalhekk il-persuni jridu jkunu responsabbli u jilbsu l-maskra. 

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar liema pajjiżi se jintalbu biex it-turisti li jiġu minnhom iġibu ċertifikat li m’għandhomx il-COVID-19, Gauci qalet li qiegħed isir pjan li għandu jitħabbar kif jitlesta. 

Dwar il-vaċċin tar-Russja, il-Professur Gauci qalet li l-WHO qiegħda tħares lejn disa’ vaċċini li jinsabu f’fażijiet differenti u dak tar-Russja mhux wieħed minnhom. Min-naħa l-oħra, qalet li Malta tinsab parteċipi fi ftehim ta’ joint procurement mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jixtru l-vaċċin flimkien. 

Dwar l-R-Factor, il-Professur Gauci qalet li dan hu ogħla minn 1 u għalhekk ifisser li hemm trażmissjoni fil-komunità. Fi kwarantina, hemm 1,200 persuna. Bħala ħaddiema tas-saħħa hemm 77 persuna minn Mount Carmel, seba’ persuni f’Karen Grech, wieħed mill-kura primarja, 56 persuna minn Mater Dei u tnejn mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. 

742 spezzjoni għall-maskri… 109 ċitazzjonijiet

Dwar l-ispezzjonijiet rigward il-maskri, Gauci qalet li s’issa saru 742 spezzjoni, bħalma saru wkoll spezzjonijiet f’bars u attivitajiet. S’issa ngħataw 109 ċitazzjonijiet. 

Mistoqsija dwar x’se jiġri rigward l-iskejjel, Gauci qalet li qegħdin iħarsu lejn is-sitwazzjoni u jaraw il-protokolli li ġew adottati barra minn Malta ħalli jaraw kif jistgħu jiftħu u x’miżuri jridu jittieħdu. Qalet li l-esperjenza ta’ Skola Sajf kienet waħda tajba għax ma ġewx affettwati ħafna tfal u spjeggat li l-ACDC kellhom l-istess riżultati. 

Intant, għall-mistoqsija ta’ inewsmalta dwar jekk ħaddiema tas-saħħa jiġux swabbed, Gauci kkonfermat li jiġu swabbed u hemm hub apposta f’Mater Dei. Barra hekk, il-Professur fakkret li dawn ikunu lebsin il-PPE meta jittrattaw il-każijiet. 

Staqsejna wkoll dwar in-numri li qegħdin jiġu rrapportati fuq il-midja soċjali u l-Professur Gauci tenniet li l-pubbliku għandu joqgħod man-numri uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa. 

Share With: