AĠĠORNATA: Ma tistax tmur f’bar jew każin u tixrob biss… tordna ikel u xorb li jiġi servut fuq il-mejda

Ritratt: ROGER AZZOPARDI

Wara li aktar kmieni inewsmalta ppubblika l-istqarrija tal-MTA rigward kjarifika li xtaqet tagħmel dwar il-bars u l-każini, ħafna kienu dawk li bdew jistaqsu ma’ dan is-sit dwar jekk kienx possibbli li persuna tidħol tordna xi ħaġa xtixrob mingħajr ma tiekol.

Inewsmalta bagħtet tistaqsi din il-mistoqsija lill-MTA li weġbuna minnufih u kkjarifikaw li f’dawn il-postijiet persuna trid tordna kemm ikel kif ukoll xorb. Dan irid jiġi servut bilqiegħda ma’ mejda.

Qabel: L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kkjarifikat li l-avviż legali l-ġdid jippermetti lill-bars u l-każini li jservu ikel u xorb, imma lill-klijenti bilqiegħda mal-imwejjed biss.

Fi stqarrija ta’ kjarifika, l-MTA qalet li l-enfasi ewlenija tibqa’ fuq il-kunċett ta’ klijent bilqiegħda ma’ mejda u mhux idur bilwieqfa, bid-distanza soċjali relattiva applikabbli.

L-istqarrija tkompli li d-definizzjoni ta’ ikel servut minn bar jew każin, sekondarja għall-prinċipju ewlieni msemmi qabel, għandha tiġi interpretata bħala snacks u platters, bi spirtu ta’ raġjonevolezza u sens komun. Li wieħed idur mal-ispirtu tal-liġi u jipprova jgħawweġ regolament u jnaqqas minn dan ir-rekwiżit a skapitu tas-saħħa tan-nies mhux aċċettabbli. L-Awtorita’ tibqa’ tenfasizza r-responsabilita’ u d-dixxiplina.

Dan wara li nqalgħet kontroversja meta l-MTA ppubblikat l-avviż legali fuq il-bars u l-każini. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalu li d-discos, nightclubs u bars iridu jagħlqu mil-lum. Minkejja dan ġie mħabbar li l-bars u l-każini li jservu l-ikel, u li jistgħu jipprovdu ambjent ta’ ristorant, huma eżentati.

Share With: