Airlines UK ma taqbilx mad-deċiżjoni fuq Franza, l-Olanda u Malta

Id-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż li poġġa lil Franza, Malta u l-Olanda fuq il-lista l-ħamra u li dan ifisser li dawk kollha li jidħlu fir-Renju Unit minn dawn it-tlett pajjiżi jridu jagħmlu erbatax-il jum kwarantina obbligatorja, xejn ma intlaqgħet tajjeb minn Airlines UK.  Dawn talbu biex ikun hemm tibdil urġenti f’din id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni waslet biex inħoloq kaos fejn jidħlu pjanijiet ta’ ivvjaġġar ta’ eluf ta’ persuni mir-Renju Unit. 

Dwar din id-deċiżjoni, il-Ministru għat-Trasport Grant Shapps qal li “ħdimna qatigħ biex inżommu l-każi ta’ imxija baxxi. Ma nistgħux nifilħu li nimportaw każijiet ta’ imxija ta’ Covid19”.

Minn naħa tagħha, Airlines UK qalet li “din hi daqqa oħra għad-deċiżjoni tal-ivvjaġġar”. Huma pproponew li jkun hemm sistema bħal m’hemm fil-Ġermanja, jiġifieri dik li jkun hemm sistema ta’ ittestjar għal passiġġieri li jkunu qed jaslu u dan biex dawk li jittestjaw negattivi ma jkollhomx għalfejn jagħmlu 14-il ġurnata kwarantina.

Kien nhar il-Ħamis meta Franza, Malta u l-Olanda tpoġġew fil-lista l-ħamra tar-Renju Unit minħabba l-Covid. 

Share With: