Alexis Sanchez ma’ Inter għal tliet snin

Kollox qed jindika li seħħ ftehim bejn Manchester United u Inter sabiex l-attakkant internazzjonali Ċilen Alexis Sanchez jingħaqad għal kollox man-Nerazzurri. Kollox mistenni jiġi deċiż wara l-konfront li Inter għandhom kontra Getafe mill-UEFA Europa League bil-player ta’ 31 sena  mistenni jiffirma kuntratt ta’ tliet snin.

Id-direttur sportiv ta’ Inter, Giuseppe Marotta, deher ferm sodisfatt hu u ħiereġ miċ-ċentru tekniku tan-Nerazzurri għalkemm naqas milli jagħti kummenti partikolari. 

Sanchez qabel li jifrex is-salarju tiegħu ta’ €15-il miljun b’kuntratt li jdum sa Ġunju 2023. 

L-ex winger ta’ Udinese wasal fil-belt ta’ Milan b’self mingħand Manchester United għalkemm tilef ħafna mill-istaġun wara injury fl-achilles tendon. Huwa skorja erba’ goals filwaqt li wettaq disa’ assists fi 22 partita milgħuba.

Jidher li Manchester United huma kuntenti b’dan it-trasferiment hekk kif kien qed jaqla’ s-somma ta’ £350,000 fil-ġimgħa liema somma kienet piż finanzjaru żejjed għar-Red Devils li issa jistgħu jinvestu dawk il-flus fi players oħrajn. B’hekk il-kontijiet finanzjarji tal-club se jieħdu r-ruħ wara daqqa oħra xejn sabiħa li ħadu bl-imxija tal-Covid-19. Man Utd aċċettaw li jitrasferixxu lil Sanchez minħabba l-fatt li kien qed iweġġa’ ta’ spiss u iktar kien qed jispiċċa mal-ispettaturi milli jilgħab.

Mill-banda l-oħra, matul l-istaġun li għadda Inter kienu qed jikkontribwixxu għal parti mis-salarju tal-player bil-club minn Manchester kienu qed iħallsu l-kumplament tal-flus.

Matul il-karriera tiegħu, Sanchez lagħab ukoll ma’ Cobreloa, Udinese, Colo Colo, River Plate, Barcelona u Arsenal. Hu lagħab 132 partita mat-team nazzjonali Ċilen u skorja 43 goal.

Inter u Manchester United qed ikollhom spiss ftehim bejniethom fuq xiri ta’ players wara l-esperjenza passata meta seħħ trasferiment b’Romelu Lukaku u Ashley Young li marru jilagħbu fi Stadio San Siro. Issa kien imiss lil Sanchez li kompla mat-tradizzjoni bid-diriġenza Nerazzurra li xtaqet ħafna lil dan il-player. 

Share With: