Analiżi: Elezzjoni fil-Belarus

Miktub minn RUBEN BRIFFA

Wara snin twal taghmel parti mill- Unjoni Sovjetika, l-Belarus reġgħet ħadet l-indipendenza fl-1990, wara li ġiet fi tmiemha l-era Sovjetika. Però, jekk kien hemm min ħaseb li f’dan il-pajjiż, li fih jgħixu madwar 10 miljun ruħ, kienet sejra tibda tirrenja d-demokrazija, ma setgħax ikun aktar żbaljat. 

Dan minħabba li fil-perjodu li ġie wara l-kisba tal-indipendenza, l-Belarus kienet immexxija minn wieħed mill-aktar mexxejja awtokratiċi ta’ żminijietna. Tant irnexxielu jżomm il-poter assolut f’idejh, f’dawn l-aħħar sitta u għoxrin sena li ilu jmexxi l-Belarus, li l-President Alexander Lukashenko sar il-mudell li fuqu mxew u għadhom jimxu l-mexxejja awtokratiċi ta’ dawn l-aħħar snin.

Ammiraturi importanti

Minkejja li l-mod li jmexxi bih Lukashenko kien kemm-il darba kkritikat mill-pajjiżi tal-punent, hemm ħafna mexxejja oħra li kemm-il darba għamlulu eloġji sħaħ. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi lil Hugo Chavez, li kien mexxa għal snin twal lill-Venezwela qabel ma miet qasir il-għomor wara li ħakmitu l-marda tal-kanċer. 

Anke l-president Ungeriż, Victor Orban, kemm-il darba faħħar lil Lutashenko. Ma’ dawn iż-żewġ mexxejja wieħed jista’ jżid lill-mexxejja ta’ tnejn mill-aktar pajjiżi b’saħħithom fl-isfera internazzjonali, jiġifieri lil Xi Jinping, il-mexxej Ċiniż u lil Vladimir Putin, li ħafna ġurnalisti ostili lejn Putin jgħidu li jieħu l-pariri ta’ kif għandu jikkundizzjona l-elezzjonijiet ta’ pajjiżu migħand l-istess Lutashenko. 

Finanzjar u indifferenza

Mhux ta’ b’xejn li Lutashenko huwa l-aktar mexxej awtokratiku li ilu fil-poter f’dawn l-aħħar deċenji. Dan irnexxielu jagħmlu permezz ta’ formula kkomplika li fost il-parametri tagħha tinkludi elementi ta’ popoliżmu u soċjaliżmu. Fuq kollox, il-ħajja politika twila ta’ Luthashenko għandha warajha l-finanzjarjament mir-Russja u anke element qawwi ta’ indifferenza mill-pajjiżi tal-punent rigward diversi episodji ta’ ripressjoni sfaċċata li kkaratterizzaw il-politika tal-gvern immexxi minn Luthashenko. 

Is-sitwazzjoni politika fil-Belarussja

Fid-9 ta’ Awwissu li ġej, sejra ssir elezzjoni generali fil-Belarus. Minkejja diversi ċaħdiet mill-gvern ta’ Minsk, dan il-pajjiż ilu ma jkollu elezzjoni ħielsa minn tbagħbis sfaċċat, sa mill-1994. Saħansitra, jeżisti dubju jekk din l-elezzjoni hijiex sejra ssir jew le. 

Ftit hemm dubju fuq jekk Alexander Lukashenko huwiex sejjer jerġa’ jirbaħ din l-elezzjoni bis-sewwa jew bid-dnewwa, minħabba li tnejn mir-rivali politiċi ewlenin tiegħu jinsabu maqfula l-ħabs. Wieħed minn dawn ir-rivali tal-president huwa Viktor Balaryko, eks bankier li ntefa’ l-ħabs minħabba akkużi ta’ korruzzjoni. 

Pero’ kien hemm hafna rapporti fil-midja internazzjonali li qalu li dan il-politiku ġie ffrejmjat minn Lukashenko sabiex jitneħħa minn nofs l-arena politika. Flimkien ma’ Viktor Balaryko ġie arrestat ukoll ibnu li kien jieħu ħsieb il-kampanja elettorali ta’ missieru. Rival ieħor jinsab eżiljat barra l-pajjiż.

Lukashenko saħansitra waqqaf lill-midja lokali milli tagħmel surveys fuq il-polz elettorali tal-poplu u anke naffar ħafna protesti permezz ta’ interventi vjolenti mill-qawwiet taż-żamma tal-ordni. 

Ir-riżultat u l-poplu

L-uniku dubju li qiegħed jinkwieta bil-kbir lil Lukashenko u lil sħabu huwa rigward jekk il-poplu huwiex sejjer jaċċetta r-riżultat li mistenni jagħti s-sitt rebħa konsekuttiva lil Lukashenko.

Bħalissa, l-poplu jinsab ferm irrabjat għall-president minħabba l-mod ta’ kif affronta l-kriżi kkaġunata mill-Covid-19. Fil-bidu tal-pandemija, Lukashenko ħa attitudni bħal dik li addotta Donald Trump u pprova jirredikola l-gravità tal-pandemija. Huwa kien qal li din tista’ tiġi kkurata b’naqra vodka u li hija qlajja tal-punent sabiex tkisser lil pajjiżu u lir-Russja. Minn hawn rajna l-bidu ta’ sensiela ta’ protesti kontra l-gvern tiegħu.

Biss, minn protesti kontra l-mod ta’ kif Lukashenko ġġieled il-Covid-19, dawn il-protesti evolvew f’reazzjonijiet rigward kwistjonijiet li ilhom ikiddu liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż għal għexieren ta’ snin, fosthom l-istaġnar ekonomiku.

Fuq kollox, il-poplu din id-darba għandu politikanti kariżmatiċi wara minn jimmilita. Fuq quddiem hemm Svetlana Tikhanovskaya, li minn għalliema ddeċidiet li tikkontesta għall-president wara li żewġha ġie arrestat għaliex filmati li dan tella’ fuq Youtube u siti oħra sabiex jibda l-kampanja elettorali tiegħu ma għoġbux lill-gvern. 

Jidher li d-deċiżjoni ta’ Tikhanovskaya li tisfida lil Lukashenko u toħroġ għall-elezzjoni sabiex tirrapreżenta politiku li ġie mwaqqaf milli jikkontesta ntlaqgħet tajjeb ħafna għaliex magħha ngħaqdu żewġ nisa ohra li huma wkoll qegħdin jirrapprezentaw politiċi rġiel li ma tħallewx jikkontestaw mill-president. 

Dawn il-kontestanti nisa qegħdin jaffrontaw din l-elezzjoni presidenzjali mingħajr l-ebda manifest elettorali, bl-uniku wegħda tagħhom tkun li jerġgħu jorganizzaw elezzjoni ġenerali oħra fi żmien sitt xhur.

Politika internazzjonali

Sa mill-bidu tal-karriera politika tiegħu fit-tmexxija ta’ pajjiżu, Alexander Lukashenko minn dejjem inqeda’ bid-differenzi li jeżistu bejn ir-Russja u l-pajjiżi tal-punent. Minn dawn il-manuvri, huwa rnexxielu jieħu ħafna flus minghand Putin bl-iskuża li jkun kapaċi jżomm l-influwenza tal-punent milli tidħol f’pajjiżu. 

Però, bħalma jiġri dejjem, ħadd ma jagħmel xejn għal xejn, l-aktar u aktar bniedem bħal Vladimir Putin. Kien għalhekk li s-sena l-oħra rajna r-relazzjoni ta’ bejn il-Belarus u r-Russja tmur ħafna lura wara li Putin ried li l-Belarus tingħaqad mar-Russja u tibda titmexxa minn Moska. Naturalment, dan iġib fi tmiemha ttmexxija ta’ Lukashenko f’pajjiżu u allura dan irrifjuta din il-proposta ta’ Putin.

Issa li jidher li tilef l-appoġġ tar-Russja u bil-poplu juri l ewwel sinjali ta’ qawmien kontra dan id-dittatur, Lukashenko jaf jiddeċiedi li jerġa’ juża l-vjolenza sabiex jikkontrolla lill-poplu. Il-pajjiżi tal-punent jeħtieġ li jqumu kontra dan id-dittatur. 

Kif kif ġara ħafna drabi oħra fil-passat, l-uniku rebbieħ minn din is-sitwazzjoni jista’ ikun il-President Russu, Vladimir Putin. Kemm-il darba l-punent jimponi xi sanzjonijet fuq il-Belarus, dan jista’ jwassal sabiex Lukashenko jista’ jiġi daru mal-ħajt u jerġa’ jiġi jiekol minn idejn Putin. Dan jista’ jkun it-tmiem tal-indipendenza tal-Belarus u l-bidu ta’ mudell politiku ieħor li żgur mhuwiex sejjer iġib il-libertà għaċ-ċittadini tal-Belarus.

Share With: