Analiżi: Il-ftehim bejn l-Emirati Għarab Magħqudin u Iżrael

Minn Ruben Briffa

Fit-13 ta’ Awwissu, ġie ffirmat ftehim storiku bejn Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda. Dan huwa l-ewwel ftehim li permezz tiegħu qegħdin formalment jinfetħu għall-ewwel darba relazzjonijiet diplomatiċi bejn Iżrael u stat mill-Golf Għarbi. B’dan il-ftehim, dan il-pajjiż mexa fuq il-passi taż-żewġ pajjiżi Għarab l-oħra li għandhom relazzjonijiet diplomatiċi mal-Lhud, jiġifieri l-Eġittu u l-Ġordan.

Bidla fil-mentalità?

Li kieku sar madwar erbgħin sena ilu, ftehim bħal dan kien iqajjem irwiefen kbar fost il-pajjiżi Għarab, li tradizzjonalment jaraw lil Iżrael bħala xewka f’nofshom. Hekk kien ġara fl-1977, meta l-President Eġizzjan, Anwar Sadat, kien għamel paċi ma’ Iżrael. Dak iż-żmien ħafna mill-mexxejja ta’ pajjiżi Musulmani kienu ttimbraw lil Sadat bħala traditur tal-Palestinjani. Filfatt, it-terroristi li kienu assassinaw lil Sadat,  kienu qalu li l-ftehim tiegħu ma’ Iżrael kien ir-raġuni prinċipali għall-qtil tiegħu. Saħansitra, kawża tal-ftehim ta’ dak iż- żmien, l-Eġittu kien ġie sospiż mill-Lega Għarbija.

Żgur li r-reazzjoni tal-maġġoranza tal-pajjiżi Iżlamici għall-ftehim tat-13 ta’ Awwissu kienet kompletament differenti minn dik tal-1977. Ħafna mexxejja ddeskrivew dan il-ftehim bħala l-ewwel pass għall-paċi fir- regjun fejn jinsab Iżrael.

L-Emirati Għarab Magħquda

Kemm ilhom immexxija minn Muhammed bin Zayed, l-Emirati Gharab Maghquda, li fihom jgħixu madwar għaxar miljun ruħ, rnexxielhom jsiru l-aktar pajjiż Għarbi influwenti fl-arena politika internazzjonali. Kulħadd jaf bl-influwenza ta’ Dubai, wieħed mis-seba’ emirati li jiffurmaw l-Emirati Għarab Maqgħuda,  fid-dinja tal- kummerċ dinji. Dubai huwa s-simbolu tal-progress li għamel dan il-pajjiż matul dawn l-aħħar diċenji. Sas- snin ħamsin, Dubai kien biss raħal kbir li fih kienu jgħixu madwar tmintax-il elf ruħ. Illum Dubai sar metropli li hija il-qalba tal-kummerċ bejn l-Lvant Nofsani, l-Afrika u l-Asja. Il-mexxejja ta’ dan l-emirat għaġġbu lid- dinja bil-proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art li permezz tagħhom għamlu fost oħrajn port enormi li għandu spazju għal kważi 23-il miljun kontejner. 

Barra mis-saħħa fin-negozju, dan il-pajjiż rnexxielu jibni armata b’saħħitha li permezz tagħha, flimkien mal- mezzi finanzjarji bla limiti tiegħu, żied bil-kbir l-influwenza politika tiegħu fir-reġjun. Minkejja li għandu rabtiet sodi mal-pajjiżi tal-punent, dan il-pajjiz qiegħed kull ma jmur jiddisassoċja ruħu mill-politika aggressiva ta’ diversi pajjiżi oħra fir-reġjun. Filfatt, il-mexxeja tal-Emirati dan l-aħħar għamlu diversi passi sabiex jersqu lejn l-Iran billi ħallew n-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi jkompli għaddej, minkejja li għandhom diversi tilwim mal-gvern ta’ Tehran, l-aktar minħabba xi gżejjar fil-Golf, u ma ddejqu xejn jqattgħu l-karti ma alleati tradizzjonali tagħhom bħal dawk tal-Għarabja Sawdita fil-gwerra kontra l-Houtis ġewwa l-Jemen u mal-Istati Uniti fil-Libja. Fl-attentat tagħha sabiex jkollha relazzjoni tajba ma’ kulhadd, it-tmexxija tal- Emirati kienet fost l-ewwel pajjiżi li reġgħat fetħet l-ambaxxata tagħha f’Damasku, wara li bħal ħafna pajjiżi oħra  tal-Golf, dan il-pajjiz kien parti mill-koalizzjoni sabiex jitwaqqa’ Bashir al- Assad mit- tmexxija tas- Sirja.

Ħafna osservaturi politiċi tal-Golf Għarbi qegħdin jittamaw li ħafna pajjiżi ġirien tal-Emirati Għarab Magħquda jimplimentaw il-mudell politiku tal-Emirati li huwa mibni fuq l-governanza tajba, ekonomija miftuħa u t-tolleranza reliġjuża.

Ftehim wara kollaborazzjoni

F’dawn l-aħħar snin, il-midja nternazzjonali kemm il-darba rraportat episodji fejn kienet ċara l-preżenza ta’ element qawwi ta’ kollaborazzjoni bejn Iżrael u pajjiżi fil-Golf Gharbi. Din il-kollaborazzjoni kienet instigata mill-biża’ komuni li teżisti mill-Iran. Huwa ċar li matul dawn l-aħħar sentejn, iż-żewġ naħat kemm il-darba qasmu bejniethom ħafna rapporti miktuba mis-servizzi sigrieti taż-żewġ naħat. Barra minn hekk, f’dawn l- aħħar xhur, kienet innutata żieda qawwija fil-preżenza ta’ diversi negozjanti u membri tal-armata ta’ Iżrael fil- pajjiżi tal-Golf.

Is-solitu rebbieħ u t-telliefa eterni

Dan il-ftehim żgur sejjer jagħti nifs qawwi lill-Prim Ministru Iżraelit, Benjamin Natanjahu, li bħalissa għandu l-kanuni tal-medja Lhudija kollha mmirati fuqu, minħabba akkuzi ta’ korruzzjoni kif ukoll minħabba l-mod ta’ kif qiegħed jiġġieled il-pandemija.

Naturalment, l-akbar telliefa wara dan il-ftehim huma l-Palestinjani. Permezz tal-ftehim tat-13 ta’ Awwissu, l- Palestinjani qegħdin jaraw għall-ewwel darba pajjiżi li tradizzjonalment kienu jissaportjaw lill-kawża tagħhom jabbandunaw il-kundizzjoni li minn dejjem kienu jagħmlu lil Iżrael sabiex jiftħu r-relazzjoni miegħu, jiġifieri dik li l-Istat Lhudi joħroġ mill-artijiet Palestinjani li okkupa matul is-snin kemm ilu li ġie mwaqqaf bħala stat sovran wara it- Tieni Gwerra Dinjija. Ta’ min jgħid li dan l-aħħar, kemm il-darba konna smajna dikjarazzjoni kontra l-atteġjament tal-tmexxija Palestinjana mill-mexxejja tal-pajjiżi tal- Golf. 

Ħafna qegħdin jaraw lill-Emirati Għarab Magħquda bħala l-mexxej naturali tal-pajjiżi Għarab tal-futur. Bħalma jħobbu jgħidu diversi mexxejja prominenti tas-seba’ emirati, l-politika tagħhom tippromwovi l- evoluzzjoni u mhux riżoluzzjoni bħalma jippriedkaw ħafna mexxejja oħra tal-pajjiżi Għarab. Biss, ma teżisti l-ebda garanzija li l-mudell politiku tal-Emirati Għarab Magħquda jista’ jiġi mħaddem b’suċċess fil-pajjiżi Għarab l-oħra.

Share With: