ARA: Il-mument li l-Pulizija sparat tiri qabel arrestat lis-suspettat ewlieni

2:20 p.m: Kien għall-ħabta tas-1:15 p.m meta l-Pulizija, wara bosta jiem ta’ osservazzjoni, għamlu rejd f’residenza u sabu lill-Albaniż li ftit snin ilu kien involut fis-serqa li saret f’ħanut tad-deheb.

Intant il-Pulizija għadha kemm arrestat lil Daniel Muka, is-suspettat ewlieni fil-qtil li seħħ f’Tas-Sliema. Huwa deher ħiereġ miżmum mill-Pulizija ftit tal-minuti ilu.

L-arma li allegatament intużat fil-qtil doppju ftit tal-jiem ilu nstabet fl-istess post u ġiet ikkonfiskata mill-pulizija f’dan l-istess rejd.

1:30 p.m: Numru ta’ Pulizija qed iwettqu arresti fiż-żona ta’ Sarria fil-Furjana, f’dak li jidher li hu rejd marbut mal-każ tad-delitt doppju f’Tas-Sliema.

Minkejja li għad m’hemm l-ebda konferma dwar l-arrest u dwar l-identità tal-individwi, jidher li fost dawk arrestati hemm mill-anqas raġel Malti. Jidher li r-residenza li fiha sar ir-rejd kienet diżabitata.

Qed ikun irrapurtat ukoll li waqt l-imsemmi rejd kienu sparati xi tiri, iżda dwar dawn id-dettalji mistenni jkun qiegħed jaġġorna fil-ħin li ġej il-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani.

Aktar kmieni dalgħodu dan is-sit aġġorna dwar “ritratt” meħud mill-CCTV li jista’ jkun kruċjali fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Share With: