Arsenal jikkonfermaw l-akkwist ta’ Willian

Arsenal ikkonfermaw l-akkwist tal-ex winger ta’ Chelsea, Willian, bi free transfer. B’dan it-trasferiment il-player Brażiljan se jkun qed jaqla’ s-somma ta’ £220,000  fil-ġimgħa li hi waħda notevoli għat-team li jilgħab fl-Emirates Stadium. 

Din l-aħbar kienet ikkonfermata wkoll fuq il-profil soċjali ta’ Arsenal fuq Twitter proprju l-Ġimgħa filgħodu b’ritratt li juri lill-istess Willian jilbes il-flokk aħmar u abjad tal-club. Huwa se jkun qed jilbes in-numru 12. 

Diversi osservaturi tal-Premier League Ingliż ikkritikaw is-salarju għoli li Willian se jkun qed jaqla’ wara li aktar kmieni din il-ġimgħa kien hemm 55 membru mill-istaff tal-Gunners li ġew imwaqqfa minn xogħlhom. 

Minkejja li s-salarju bażiku ta’ Willan mhux daqshekk għoli daqs dak li kien jaqla’ ma’ Chelsea, hemm inklużi wkoll diversi kriterji fosthom bonuses, miżati u pagamenti oħra esterni għat-tliet snin li ġejjin. Dawn jafu jlaħħqu l-£35 miljun waqt il-kors ta’ dan il-kuntratt. 

Willian żvela li kien il-coach ta’ Arsenal, Mikel Arteta, li riedu b’ċertu ħeġġa fl-Emirates Stadium minħabba li jarah adattat ferm għall-pjan tattiku tiegħu u kapaċi jgħin lill-club biex itejjeb il-pożizzjoni tiegħu wara t-tmien post diżappuntanti li kellhom fl-istaġun li għadda. 

Arsenal ikkwalifikaw għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-UEFA Europa League wara li għelbu lil Chelsea fil-finali tal-FA Cup.

F’kumment qasir li ħalla fuq il-mezzi soċjali, Willian qal li Arsenal huma team li għandu stil ta’ logħob li jaqbel ħafna ma’ tiegħu. Filwaqt li rringrazzja lil Arteta tal-opportunitá li tah sabiex ġie jilgħab mat-team minn Londra, hu wiegħed lill-partitarji li se jkun qed jgħin sabiex  il-Gunners jirbħu aktar trofej u jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League.

Hu temm jgħin li jinsab ħerqan u eċċitat li jibda s-sessjonijiet ta’ taħriġ mal-kollegi l-ġodda tiegħu u jinsab kunfidenti li l-affarjiet se jkunu dejjem aktar pożittivi jekk kulħadd jaħdem qatigħ f’għaqda waħda. 

Share With: