Attivisti fil-Belarus jgħidu li ġew imsawta fil-ħabs

Attivisti tad-drittijiet umani u osservaturi qed jgħidu li l-evidenza ta’ vjolenza min-naħa tal-pulizija fuq d-dimostranti tal-Belarus qiegħda kulma jmur tiżdied. L-attivisti qed jgħidu li allegatament il-pulizija użaw vjolenza fuq persuni li ġew arrestati talli pparteċipaw f’dimostrazz- jonijiet wara li tħabbar ir-riżultat elettorali tal-Ħadd li għadda.

Persuni li nħelsu mill-arrest wara l-parteċipazzjoni tagħhom fid-dimostrazzjonijiet qed jallegaw li huma ġew trattati ħażin fil-ħabs, b’uħud minnhom jgħidu li saħansitra ġew imsawta.
Fid-dawl ta’ dan, Amnesty International qalet li t-testimonjanzi li taw dawn in-nies jindikaw li kien hemm “tortura” fuq il-ħabsin. Id-dimostrazzjonijiet fil-pajjiż bdew eżattament wara li tħabbar ir-riżultat elettorali u dawn saru minħabba allegazzjonijiet li l-elezzjoni kienet mbagħbsa. Fl-elezzjoni l-President Alexander Lukashenko ġie ddikjarat rebbieħ b’maġġoranza straordinarja. Min-naħa l-oħra, l-attivisti tal-oppożizzjoni mmexxija minn Svetlana Tikhanovskaya qed jisħqu li huma rebħu l-elezzjoni.

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ swat, id-Deputat Ministru tal-Intern Alexander Barsukov qal li dan mhux minnu filwaqt li sostna li dawk arrestati nħelsu kollha.

Share With: