BEJN SERVIZZI U INDUSTRIJI

Miktub minn ALFRED SANT

Il-bilanċ li messu kellna bejn servizzi u industrija ilu li nitlef f’pajjiżna. Għall-bidu servizzi kienu jfissru l-aktar turiżmu u ħidmiet relatati. Lejn l-aħħar tas-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, l-amministrazzjoni ta’ Fenech Adami bdiet tisħaq fuq servizzi finanzjarji. L-ewwel bdejna bil-kunċett tal-kumpaniji li jitwaqqfu f’Malta u waqt li jkunu reġistrati hawn, ma jkunu regolati minn ħadd – l-offshore kienu jissejħu.

Wara, saru bidliet kbar fil-liġi u fl-istatut tal-kumpaniji biex dawn jitqiesu onshore, jiġifieri b’xi mod regolati mil-liġi Maltija. Qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea, u xi snin minn wara li dħalna, das-settur far. Żdiedu miegħu l-oqsma tar-reġistrar tal-vapuri u tal-logħob tal-ażżard bl-internet.

Is-servizzi llum għandhom piz żbilanċjat fl-ekonomija Maltija, b’konsegwenzi li rridu noqogħdu attenti għalihom. 

IR-RUSSJA GĦAĠĠLET?

Fit-tellieqa biex malajr malajr, il-popli jkollhom vaċċin li jipproteġihom mill-imxija tal-corona virus, ir-Russja qed tgħid li x-xjenzati tagħha ġew l-ewwel. Għadhom kemm ipproduċew titqiba li ssolvi l-problema.

Minflok far kjass ta’ ferħ għal das-suċċess, qamet litanija ta’ kritika u kontro-kritika. Ir-Russi, intqal, għaġġlu wisq, ma osservawx ir-regoli internazzjonali ta’ kif isiru t-testijiet għal mediċini ġodda, qed jilagħbu l-poker bil-ħajja tan-nies eċċ. Dan minn gvernijiet tal-“Punent”, fuq quddiem nett l-Istati Uniti. Ir-Russja wieġbet li x-xjenzati tagħha ħadmu fuq li ħadmu bl-akbar serjetà u dedikazzjoni biex jgħaġġlu jsibu risposta għall-pandemija. 

Personalment la qed nemmen naħa u l-anqas oħra. Fin-nofs hemm eluf kbar ta’ biljuni ta’ dollari f’bejgħ u profitti mal-wasla tal-vaċċin. Kulħadd irid li dit-tuffiegħa tad-deheb taqa’ f’ħalqu. Il-problema hi li min hu bħali m’għandux bhiex jiverifika liema mill-istqarrijiet li qed isiru huma korretti.

NGOS FUQ IL-BAĦAR

Sal-lum għadni m’inix nifhem xinhi l-istrateġija tal-għaqdiet volontarji (NGOs) Ewropej li jiġu fil-Mediterran bil-għan li “jsalvaw” l-immigranti rregolari mill-għarqa, jwassluhom sal-ewwel port u jerġgħu jitilqu għall-istess ħidma. Fl-istess ħin jippretendu li l-immigranti li “jsalvaw”  jew li jħabbru fejn jinsabu f’periklu ta’ għarqa, għandhom jiddaħħlu bla xkiel fl-Ewropa.

Sa fejn naf jien, ma jpoġġux ħidmiethom f’qafas ta’ kunsiderazzjonijiet wiesgħa li dwarhom għandhom jagħtu risposta. Jifhmu li l-aġir tagħhom jinkuraġġixxi l-ħidma tat-traffikanti tal-bnedmin? Jaqblu li qed jimminaw kull bażi li fuqha tista’ titwettaq fl-Ewropa politika ta’ immigrazzjoni legali? Jaraw li hemm bżonn ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea dwar kif/fejn jitqassmu l-immigranti li jaslu? Jekk iva, x’sehem għandhom jagħtu biex iwasslu għaliha?

Sakemm nibqgħu bla tweġibiet ġenwini għal dawn il-mistoqsijiet, minkejja d-dija ta’ qdusija filantropika li titpoġġa fiha, wieħed ikollu jqis il-ħidma ta’ dawn l-NGOs bħala irresponsabbli.

Share With: