Benna b’ringrazzjament lir-raħħala

“Aħna l-Benna impenjati li nwasslu l-ħalib frisk, u l-prodotti magħmula mill-ħalib, madwar il-Gżejjer Maltin u Għawdxin, kuljum. Billi tagħżel li tuża l-prodotti tagħna, inti għamilt il-marka tagħna l-iktar marka favorita fost il-prodotti friski. Bħala parti mil-KPH Group, li tkopri l-katina sħiħa tas-settur tal-ħalib f’Malta, aħna kburin li aħna l-proċessur ewlieni tal-ħalib inkluż il-prodotti magħmula mill-ħalib frisk u li dejjem qegħdin disponibbli għall-konsumatur tagħna.”

Dan sostnieu l-kumpanija Benna fi stqarrija għall-istampa. Qalet li “għalhekk b’ġenwinità kbira nesprimu l-apprezzament tagħna lejn ir-raħħala-produtturi tal-ħalib li huma l-qalb ta’ dan is-settur. Dawn ir-raħħala jieħdu ħsieb il-baqar tagħhom f’madwar 58 razzett f’Malta u 31 f’Għawdex u ta’ kuljum jipproduċu u jwasslu l-ħalib lejn l-impjant tal-Benna, fejn aħna nagħmlu dak kollu possibbli biex nipprovdu prodotti ta’ l-aqwa kwalita għalik. 

Mil-qalb ngħidu GRAZZI kbira lil dawn il-persuni tant bieżla li ta’ kuljum jaħdmu b’dedikazzjoni kbira biex jilħqu l-‘istandards’ u d-domanda tas-suq kif meħtieġa. B’hekk biss, aħna nkunu nistgħu niprovdulkom il-prodotti tagħna, anke fi żminijiet diffiċli bħal ma’ għaddejna fl-aħħar xhur.” 

Tenniet li “għalhekk is-sapport tagħkom lejn dawn il-prodotti tal-ħalib huwa ta’ sostenn kbir. U issa huwa iż-żmien opportun li tkomplu tissaportjaw il-prodotti lokali. Mingħajr il-ħidma ta dawn il-persuni, aħna ma ninsabux fil-pożizzjoni li qegħdin fiha u ta’ dan aħna grati ħafna. Flimkien inħarsu ‘l quddiem u nkomplu naħdmu biex nipprovdulkom l-aqwa u l-aħjar prodotti fid-djar tagħkom.”

Share With: