Bernard Grech favorit li jirbaħ lil Adrian Delia

L-ewwel stħarriġ fost it-tesserati tal-PN juru li l-Avukat Bernard Grech għandu ċans kbir li jieħu post Adrian Delia bħala l-kap tal-partit.

Hekk kif illum it-Tnejn fit-3.00 p.m. jagħlaq il-perjodu li fih il-PN se jkun qed jilqa’ in-nomini għall-elezzjoni tal-kap jidher li se jkun Grech biss li se jisfidah għat-tmexxija tal-partit.

Delia ilu kap tal-partit minn Settembru 2017, kważi tliet snin, imma jidher li d-destin tiegħu huwa miktub hekk kif Grech jidher li għandu l-maġġoranza meħtieġa biex jeħodlu postu.

Il-PN għadu ma ħabbarx id-data tal-elezzjoni li għaliha se jerġgħu jkunu eliġibbli li jivvutaw it-tesserati tal-PN kif ġara fl-ewwel elezzjoni wara li kien l-eks-Kap Simon Busuttil li iddeċieda li l-partit jibda jeleġġi lill-mexxej tiegħu b’dan il-mod.

Fl-ewwel elezzjoni, li fiha kien ikkontesta wkoll l-Avukat Chris Said, Delia kien ġab 52% tal-voti u wara li sar il-kap ħa postu fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni grazzi għal Jean Pierre Debono li ċedilu s-siġġu.

Jekk Grech ikun elett kap tal-partit huwa wkoll ikun irid lil xi deputat attwali li jċedilu postu biex jidħol fil-Parlament u jkun jista’ jservi wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Għalkemm Grech qed jinsisti li huwa ma jifforma parti minn ebda fazzjoni huwa magħruf fi ħdan il-PN stess li dawk li baqgħu leali lejn Busuttil huma lkoll warajh.

Dan aktar u aktar wara li numru ta’ persuni oħra li ssemmew li setgħu jidħlu għal din l-isfida – bħal Roberta Metsola, Claudio Grech u Therese Comodini Cachia – għażlu li ma jitfgħux in-nomina.

Jekk, kif mistenni, Delia jitlef il-vot tat-tesserati mhux magħruf jekk huwa jżommx ukoll is-siġġu parlamentari hekk kif aktar minn nofs id-deputati tal-Oppożizzjoni m’għandhomx fiduċja fih.

Delia ilu minn qabel kien elett kap isib bsaten fir-roti hekk kif faxxa kbira ta’ partitarji u membri parlamentari qatt ma niżlitilhom li jkun hu li jmexxihom.

Min-naħa l-oħra, jekk jiġi konfermat bħala l-kap tal-partit għad mhux magħruf x’se tkun ir-reazjoni tal-grupp ta’ deputati li jridu jneħħuh u kif huwa se jaġixxi magħhom.

Li hu żgur li hemm żewġ faxex ta’ partitarji, dawk favur Delia u dawk kontrih, li jidhru li xorta mhux se jaċċettaw l-eżitu tal-votazzjoni.

Bosta minn dawk li għadhom leali lejn Delia qed jinsistu fuq il-media soċjali li jekk jitneħħa mhux se jivvutaw lill-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss waqt li dawk kontrih qed jgħidu l-istess jekk jiġi konfermat.

Hemm attivisti kontra Delia li saħansitra irrimarkaw li jekk jirbaħ Grech għandhom ċans jirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan fl-istess żmien meta l-istħarriġ li sar f’isem il-gazzetta IT-TORĊA juri li d-differenza bejn iż-żewġ partiti bħalissa hija ta’ 15% jew 45,000 vot.

Share With: