Bernard Grech se jikkontesta fl-elezzjoni għal kap tal-PN

L-Avukat Bernard Grech issottometta t-talba biex juri l-interess tiegħu, bħala kandidat prospettiv, fl-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, Grech qal li t-twemmin tiegħu jirrifletti l-prinċipju tal-PN, li fi kliemu dejjem kien partit tan-nies  b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi.

Qal li għalih partit politiku huwa biss għodda ssofistikata sabiex jinħoloq il-ġid li jaħdem b’risq id-dinjità umana. Saħaq li n-nies għandhom jiġu qabel l-affarijiet materjali u jixtieq li l-PN jisma’  l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspira x-xewqat tan-nies.

Qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat u ġranet sema’ u għarbel is-sejħa li kellu u wara li tkellem mal-familja, wasal għall-konklużjoni li għandu joffri lilu nnifsu biex iservi fil-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

B’hekk s’issa huma tnejn il-kandidati li tefgħu s-sottomissjoni tagħhom; Bernard Grech u l-kap attwali Adrian Delia.

Share With: