Bid-droga kien “bla skop”… illum jaspira li jistudja l-psikoloġija

Prova d-droga ta’ 18-il sena; l-akbar motivazzjoni biex ibiddel ħajtu kienet li jkun missier eżemplari

Minn MARIA AZZOPARDI

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, proprju t-3 ta’ Awwissu, kienet ġurnata speċjali ħafna għal Ryan minħabba li bħal dakinhar ħass li reġa’ twieled mill-ġdid. Ta’ 18-il sena Ryan prova għall-ewwel darba d-droga u jistqar li għamel dan għax għelbitu l-kuriżità u bħal ħbieb li kien ikun magħhom ried jippruvaha.

Ryan jgħid li dak iż-żmien id-droga kienet tfisser pjaċir, iżda ma kienx jaf li fil-verità tfisser ħarba mir-realtà. Illum il-ġurnata Ryajn ilu sentejn clean u jmur l-iskejjel biex ikun ta’ motivazzjoni u kuraġġ filwaqt li jgħin persuni oħra li għandhom il-vizzju tad-droga.

Dan il-ġuvni għadda minn perjodu diffiċli f’ħajtu u minn dak iż-żmien beda jżied l-użu tad-droga kokaina u x-xorb. “Dak iż-żmien, speċjalment qabel ma waqaft nużaha, kien ikolli ħafna ħsibijiet. Kont xbajt ngħix, kont inħossni inutli, waħdi u bla skop fil-ħajja,” qal Ryan filwaqt li sostna li s-saħħa mentali hija kollox fil-ħajja u stqar li l-ħsieb tas-suwiċidju kien frekwenti. 

“Jekk ma nieħdux ħsieb moħħna daqs kemm nieħdu ħsieb ġisimna, qed inkunu nilgħabu man-nar. Huwa tajjeb ħafna li titkellem għax xi kultant il-ħsibijiet tagħna jagħmlulna ħafna piż u għalhekk meta tkun qed titkellem ma’ xi ħadd, tkun qed taqsam dak il-piż,” qal Ryan.

Mistoqsi meta kien l-aktar mument importanti fejn fih induna li xtaq ibiddel ħajtu, Ryan qal li dan kien il-mument meta kellu t-tifel. “Bdejt nipprova nieqaf u ma nistax, u hemmhekk bdejt ninduna li għandi problema kbira. L-iżjed ħaġa li mmotivatni biex nibdel ħajti kien li nkun ta’ missier eżemplari għal ibni u li jekk ifittixni se jsibni dejjem,” qal Ryan.

Mistoqsi kif iħoss li nbidlet ħajtu minn dakinhar ‘il hawn, huwa qal li fil-passat kien ġuvni “bla skop” u jieħu l-ħajja kif tiġi. Illum il-ġurnata, Ryan iħossu determinat biex ikompli miexi ‘l quddiem u biex jagħmel suċċess f’ħajtu. Waħda mill-aspirazzjonijiet tiegħu hija li jibda jistudja l-psikoloġija għax jgħid li l-fatt li tkun qed tgħin lin-nies hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir filwaqt li ma jrid lil ħadd jgħaddi minn dak li għadda hu. Għalih, l-għajnuna li sab mit-tabib Dr Jan Chircop u mill-Fondazzjoni OASI kienu fundamentali ħafna biex jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.

Minkejja kollox, huwa jsostni li dak iż-żmien kien jaraha bħala xi ħaġa tal-mistħija li jagħmel il-programm tant li kienet stigma. “Fil-verità mhux hekk, anzi bil-kontra. Li tmur tagħmel programm huwa vera sinjal ta’ kuraġġ u llum nista’ ngħid li hija l-aqwa ħaġa li għamilt f’ħajti,” qal Ryan.

Fl-aħħar tar-rakkont tiegħu, Ryan xtaq jgħaddi messaġġ lil min sfortunatament għaddej minn dak li għadda hu: “Taqta’ qalbek qatt. Ftakru li kollox jgħaddi. L-importanti hija li ma taqtax qalbek fil-ħajja, tkun xi tkun il-problema li għaddej minnha. Fittex l-għajnuna u tkellem kemm tiflaħ u tingħalaqx fik innifsek. Tibżax minn nies għax jiġġudikawk. In-nies tagħmel jew ma tagħmilx xorta se jgħidu…. mela għamel li hu l-aħjar għalik.”

Għal min jinsab fi sqaq mudlam u jixtieq l-għajnuna, tiddejjaqx tfittixha! L-għajnuna teżisti u mhix tal-mistħija li taċċetta li għandek bżonn lil min jgħinek. Għamel kuntatt mal-Oasi Foundation(Victoria) fuq 2156 3333 jew lil Caritas Malta fuq 2133 1000 jew permezz ta’ email fuq info@caritasmalta.org.

Share With: