BirdLife Malta tikkritika lill-Gvern għax se jappella mis-sentenza dwar l-għasafer tal-għana

BirdLife Malta qalet li tinsab sorpriża li “l-Gvern qed jippjana li jisfida s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – li sabet lil Malta ħatja li fetħet staġuni tal-insib għall-għasafar tal-għana bi ksur tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar – billi jippermetti l-insib għall-għasafar tal-għana taħt l-iskuża li dan se jsir għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika.” 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana sostna: “L-inqas li wieħed jista’ jgħid f’din is-sitwazzjoni hu li jekk il-Gvern jagħmel dan, ikun assurd u irresponsabbli. Fl-imgħoddi l-Gvern diġà ħa deċiżjonijiet li dgħajfu u emendaw liġijiet apposta biex jinħoloq paraventu għall-qtil illegali tal- għasafar. Issa jrid joħloq paraventu ieħor biex għexieren ta’ eluf ta’ għasafar tal-għana jinqabdu billi b’mod kreattiv ikklassifika dan bħala studju xjentifiku.” 

BirdLife Malta reġgħet sostniet li “huwa żball kbir li l-konservazzjoni tal-għasfar tiġi fdata f’idejn kaċċatur li llum huwa l-Ministru għal Għawdex.” Kompliet tgħid li “dan mhux biss hu nuqqas ta’ rispett fil-konfront tal-Ministru tal-Ambjent imma huwa wkoll nieqes minn kull saħħa legali, u hu għalhekk li BirdLife Malta qed tikkontesta din id-deċiżjoni fil-qrati.” 

F’pajjiż fejn l-infurzar mhuwiex sodisfaċenti jew saħanistra ineżistenti, ninsabu ċerti li din is-sistema se tiġi abbużata b’mod rampanti kif ġara fil- każi l-oħra kollha fejn il-Gvern biddel liġijiet sempliċiment biex jikkuntenta lobby li ma jagħti xejn lill-pajjiż, anzi jieħu ħafna mingħand il-bqija taċ- ċittadini tiegħu. L-għasafar qegħdin hemm biex jitgawdew minn kulħadd u mhux minn xi grupp privileġġjat li jsibha diffiċli biex jifhem is-sbuħija tan- natura. 

BirdLife Malta se tkun qed tagħmel għadd ta’ domandi dwar dan is-suġġett matul il-laqgħa tal-Kumitat ORNIS tal-ġimgħa d-dieħla, u se tagħmel dak kollu li tista’ biex twaqqaf din l-assurdità.

Share With: