BirdLife Malta tniedi l-kampanja #onthemove

Bil-għan li tispira lill-pubbliku biex “igawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar matul il-passa tal-ħarifa”

BirdLife Malta għadha kif nidiet kampanja ġdida li se xxerred għarfien dwar il-passa tal-għasafar bil-għan li tħeġġeġ aktar nies igawdu, jieħdu ħsieb u jinvolvu ruħhom fil-ħarsien tal-għasafar li jpassu minn fuq Malta. 

Il-passa tal-għasafar hija fenomenu li għal eluf ta’ snin serva bħala sors ta’ ispirazzjoni u kurżità. Bħala gżira bejn żewġ kontinenti, Malta hija kruċjali għax isservi bħala post fejn l-għasafar jieqfu jistrieħu sabiex jerġgħu jieħdu saħħithom biex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom li jeħodhom fuq distanzi twal. 

Sabiex dan l-ispettaklu naturali jitgawda bl-aħjar mod, BirdLife Malta nidiet il-kampanja #onthemove li matulha se nkunu qed naqsmu mal-pubbliku dettalji affaxxinanti dwar il-passa tal-għasafar, u se nkunu qed nintroduċu wkoll uħud mill-viżitaturi speċjali li wieħed jista’ josserva tul il-passa tal- ħarifa. Il-kampanja #onthemove se tkun qed tiżvolġi fuq il-midja soċjali fost mezzi oħra tal-komunikazzjoni, bl-iskop li naqsmu informazzjoni dwar kif kulħadd jista’ jgawdi l-passa tal-għasafar f’Malta. 

Element ieħor prinċipali tal-kampanja hija l-opportunità li qed nipprovdu lil residenti f’Malta li jixtiequ jingħaqdu magħna bħala voluntieri biex jassistu lil BirdLife Malta fil-ħidma ta’ sorveljanza biex ikun żgurat li l-għasafar tal-passa jgħaddu minn fuq il-Gżejjer Maltin mingħajr periklu fi triqithom lejn il- postijiet fejn se jqattgħu x-xitwa. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Qed infittxu li nħeġġu lin-nies biex igawdu l-passa waqt li din tkun għaddejja. Din il-kampanja mhux biss se tqajjem kuxjenza permezz tat-tagħrif li se jingħata imma se tkun qed tgħinna wkoll nersqu eqreb lejn il-pubbliku sabiex jesperjenza s- sbuħija tal-passa. M’hemmx għalfejn tkun espert fl-għasafar biex tgawdi dan l-ispettaklu. BirdLife Malta dejjem poġġiet il-ħidma fost il-pubbliku fuq quddiem tal-missjoni tagħha, l-aktar għax nemmnu li min igawdi u jieħu ħsieb in-natura eventwalment se jagħmel minn kollox biex iħarisha.” 

“Nofs ix-xogħol li tagħmel BirdLife Malta ma jkunx possibbli mingħajr l-għajnuna u l-kollaborazzjoni tal- pubbliku li jinfurmana b’dak li jkun qed jara hemm barra. Ħafna mill- għasafar li nsalvaw, nirriabilitaw u neħilsu lura fin-natura dejjem jinstabu minn membri tal-pubbliku. L-għasafar għandhom bżonn il-pubbliku biex jipproteġihom u aħna nistgħu niggwidaw lin-nies kif jistgħu jagħmlu dan,” spjegat Sarah Brady, Head of Education and Engagement ta’ BirdLife Malta. 

BirdLife Malta qalet li “fl-aħħar snin rajna żieda fil-kaċċa illegali f’Malta u Għawdex, b’din is-sena s’issa diġà hija l-agħar waħda fl-aħħar tmien snin.” “Dan jista’ jinstema’ diżappuntanti imma jfisser ukoll li hemm il-ħtieġa li n-nies iqumu għall- okkażjoni u jassistu lil dawn l-għasafar. Kemm ilni naħdem fil-qasam tal- għasafar feruti qed nara wkoll żieda fil-kuxjenza u l-interess fost il-pubbliku ġenerali. Ninsab fiduċjuż li flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza għall- għasafar tal-passa li jgħaddu minn fuq Malta,” ikkonkluda l-Head of Conservation ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara. 

Kulħadd huwa mħeġġeġ biex isegwi l-kampanja #onthemove fuq is-sit elettroniku ta’ BirdLife Malta u l-mezzi tal-midja soċjali sabiex igawdi bl- aħjar mod l-ispettaklu naturali tal-passa ħalli niżguraw li nagħmlu minn Malta post li jipprovdi kenn lill-għasafar kollha li jinħtieġu l-protezzjoni tagħna waqt il-vjaġġi perikolużi tagħhom. 

Share With: