Bżonn riforma fil-liġi tad-divorzju

Minn VICTOR VELLA

“Għaliex m’għandix nibda ħajja ġdida mas-sieħba tiegħi wara ftit żmien. Għalfejn għandi nistenna erba’ snin biex napplika? Forsi ftit snin  ilu meta ddaħħlet il-liġi tad-divorzju wieħed kien jifhem li sakemm tindara jkun hemm il-perjodu ta’ erba’ snin sakemm wieħed japplika. Dan illum m’għadux jagħmel sens. Irriformaw il-liġi għax hawn ħafna qed ibatu”.

Dan sostnietu omm, li tixtieq li tibda paġna ġdida f’ħajjitha mas-sieħeb li għandha llum. Trid li tieħu id-divorzju biex b’hekk tkun tista’ terġa’ tiżżewweġ. L-ostakolu li għandha hu li “l-Qorti trid tkun sodisfatta li l-miżżewġin ikunu għexu separatament għal perjodu ta’ mhux inqas minn erba ’snin matul il-ħames snin preċedenti għat-talba jew mhux inqas minn erba’ snin mid-data tas-separazzjoni legali!”.

F’kummenti lil Inewsmalta hi qaltilna li “għaliex għandi nistenna erba’ snin. Bħali hawn ħafna. Qegħdin inbatu għal xejn. Stennija u inċertezza u dan sakemm inkunu nistgħu nibdew ħajja ġdida. Jien quddiem dak li għaddejt minnu fl-aħħar snin, irrid inwarrab kemm jista’ jkun minn quddiemi dawk l-esperjenzi billi nerġa’ nibda ngħix mill-ġdid. Għaliex qed nibqgħu ngħixu f’din l-inċertezza meta kull m’hemm bżonn hi riforma fil-liġi biex jinbidel il-perjodu ta’ erba’ snin. Nittama li jien u bħali hawn oħrajn, niġu mismugħa”.

Inewsmalta tkellem mal-avukata Cynthia Tomasuolo. Hi qaltilna li “għalkemm għidna “IVA”, xorta waħda għanda bl-inqas każijiet tad-divorzju sal-ġurnata tal-lum, u dan skond l-opinjoni tiegħi attribwit għall-fatt li l-liġi tad-divorzju ħolqot numru ta’ kondizzjonijiet, li fil-fatt m’huma xejn favorevoli għal min m’għandu l-ebda tama raġonevoli ta’ rikonċiljazzjoni!”.

Hi saħqet li “u dan għax l-istess liġi tistipula fost affarijiet oħra illi sabiex il-Qorti tal-Familja tilqa’ t-talba ta’ divorzju, il-Qorti trid tkun sodisfatta li l-miżżewġin ikunu għexu separatament għal perjodu ta’ mhux inqas minn erba ’snin matul il-ħames snin preċedenti għat-talba jew mhux inqas minn erba’ snin mid-data tas-separazzjoni legali!

Dan it-terminu ta’ żmien impost huwa ta’ skarigg kbir għal min jrid jaqleb il-folja u jibda jgħix ħajja ġdida!”.

L-avukata Tomasuolo enfasizzat li “irridu nifhmu illi min ikun diġà għadda minn separazzjoni personali, min ikun irnexxilu jaqleb dik il-folja u jerga jibda jgħix mill-ġdid, mhux lest li jerga’ jgħaddi minn martirju ieħor sabiex jottjeni d-divorzju u għaldaqstant lest li jibqa’ fi stat ta’ inċertezza legali!. Biss jien nemmen li kulħadd jistħoqqlu jgħix ħajtu, u l-ebda liġi ma għandha tistipula meta wieħed jista’  jerga’ jibda mill-ġdid!  U għalhekk, hemm bżonn bidla, hemm bżonn ta’ riforma immedjata sabiex verament din il-liġi f’Malta tkun qed  taqdi l-ħtiġijiet tas-soċjetà!”.

Share With: