Childcare centre għall-komunità Siġġiwija bħala parti mill-proġett ta’ housing soċjali ġdid fis- Siġġiewi

F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sit ta’ housing soċjali ġdid fis-Siġġiewi, li x-xogħol fih qiegħed jipprogressa b’ritmu mgħaġġel, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li dan il-proġett se jkun qed jinkludi childcare centre ġdid għal komunità Siġġiwija. 

“Jien nifhem il-karba tal-ġenituri Siġġiwin li jixtiequ joħorġu jaħdmu iżda jsibu diffikultà minħabba li għandhom tfal żgħar xi jrabbu. Din il-karba smajniha u llum kburi li qed inħabbar li bħala parti mill-iżvilupp li qed isir fis-sit ġdid tal-akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, sejrin nibnu wkoll ċentru taċ-childcare ġdid għar-residenti tal-lokal.” 

Huwa żied jgħid li dan kollu huwa xhieda tal-viżjoni ekonomika u soċjali ta’ dan il-gvern, li hija mibnija mhux biss fuq it-tkattir tal-ġid iżda fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. 

“Dan il-proġett se jkompli jagħti aktar opportunitajiet lill-komunità Siġġiwija sabiex aktar ġenituri żgħażagħ minn dan ir-raħal joħorġu jaħdmu u ma jaqgħux lura, filwaqt li uliedhom jkunu f’ambjent sigur u ta’ standard għoli.” 

Il-Ministru Roderick Galdes ħabbar ukoll li n-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ fit-tieni sit ta’ housing soċjali ġdid li se jinbena biswit il-ground tal-football fis-Siġġiewi se jkun qed jiżdied. Dan wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kif ukoll mar-residenti tal-lokal. 

“Il-parkeġġ huwa sfida f’kull belt u raħal f’pajjiżna, u f’proġetti bħal dawn irridu nkunu sensittivi għall-bżonnijiet tan-nies tal-madwar kif dejjem inkunu sensittivi għall-bżonnijiet tal-inkwilini. Kien għalhekk li wara li ddiskutejna mal-Kunsill Lokali u mar-residenti tal-lokal morna lura madwar il- mejda mal-istakeholders relevanti sabiex in-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ f’din il-binja jiżdied.” 

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech kellu kummenti ta’ tifħir dwar il-proġetti ta’ housing soċjali ġodda f’dan ir-raħal. 

“Il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi huwa xhieda ta’ gvern li tassew jemmen fit-tħaddin tal-prinċipju tal-ġustizzja soċjali u jipprattika dawn il-prinċipji bil-fatti bi proġetti bħal dawn, anke għaliex fl-aħħar xhur il-gvern eleva din il-ħidma fuq livell ta’ Ministeru taħt id-direzzjoni tal-Ministru Roderick Galdes.” 

Huwa stqarr is-sodisfazzjon tiegħu li l-Kunsill Lokali qiegħed jingħata widen u jiġi kkonsultat dwar dawn il-proġetti. 

“Kuntent ferm li wara diskussjonijiet bejn il-gvern u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, wasalna għal ftehim li minn dawn il-proġetti l-poplu tas-Siġġiewi se jkun qed igawdi minn servizz ta’ childcare centre ġdid u żieda fl-allokazzjoni ta’ parkeġġi f’din iż-żona. Bla dubju li dan kollu se jkun ta’ benefiċċju għal poplu Siġġiewi, b’mod partikolari għal dawk li jirrisjedu fil-viċinanzi tal-proġett.” 

Huwa temm jgħid li, “inħarsu ’l quddiem għal aktar kollaborazzjoni mal-gvern u l-Ministeru tal- Akkomodazzjoni Soċjali fiż-żmien li ġej fl-interess tal-poplu Siġġiewi.” 

Share With: