CL: Floriana eliminati iżda mhux umiljati

Ritratt: Dominic Borg

Floriana …………. 0

CFR Cluj …………. 2

Floriana sfaw eliminati mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League meta fis-Centenary Stadium tilfu kontra CFR Cluj bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima. 

Konxji mill-qawwa tat-team Rumen, Floriana niżlu b’tattika difensiva.

L-ewwel 30 minuta kienu ferm kwieti u nieqsa minn kull emozzjoni. Dan għal­kemm Cluj kellhom aktar inizjattiva u dehru tattikament aktar organizzati iżda naqsu milli jkunu inċisivi u b’xi mod jinkwetaw lill- goalkeeper ta’ Floriana Ini Etim Akpan.

Huma bdew joħolqu ħafna attakki mix-xellug iżda bdew ikunu prevedibbli li wassal biex id-difensuri ta’ Floriana jantiċipaw kull attakk fi tliet kwarti ta’ ground hekk kif urew dixxiplina tattika li ftit li xejn taw spazju biex l-avversarji setgħu jimmanuvraw.

Min-naħa l-oħra, l-attakkant Kristijan Keqi mpressjona bis-sħiħ u minkejja ma ndirizzax xutt lejn il-lasti avversarji, ma waqaf qatt iterraq madwar il-ground kollu u beda jiffrustra lill-avversarji, tant li sofra daħliet xejn kumplimentużi. 

Kien minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima li r-Rumeni heddew serjament iżda x- xutt ta’ Catalin Itu ġie mxel­lef f’corner mid-difensur ta’ Floriana, Ryan Camenzuli.

Fil-ħin miżjud, Mario Rondon kellu daqqa ta’ ras mill-viċin salvata mingħajr wisq diffikultá minn Ini Etim Akpan.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Cluj ħarġu aktar aggressivi u bdew iżidu r-ritmu.

Ta’ dan ġew ippremjati hekk kif fit-53 minuta fetħu l-iskor meta Michael Pereira indirizza cross lejn CESTOR MIKE li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin, tefa’ l-ballun fix-xibka.

Floriana għamlu reazzjoni u żewġ minuti wara fal­lew ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Enzo Ruiz kellu xutt fil-baxx jiġi devjat f’corner minn difensur ta’ Cluj. Fl-64 minuta, Floriana reb­ħu free-kick minn tarf il-kaxxa iżda Diego Venancio falla kompletament il-mira meta x-xutt tiegħu spiċċa ferm għoli. Tmien minuti wara l-is­tess player mill-istess pożizzjoni stampa l-free-kick tiegħu mal-barriera.

Floriana resqu viċin minn Nicola Leone li qabeż difensur avversarju iżda Cristian Balgradean dawwar f’corner.

Eżatt mad-90 minuta, Floriana ingħataw free-kick ieħor iżda Brandon Paiber falla l-mira kompletament. Żewġ minuti wara, il-Greens resqu viċin li jiksbu d-draw iżda x-xutt ta’ Muhamadou Moustapha Beye minn pożizzjoni angolata intemm għoli.

Fl-94 minuta, Cluj issiġillaw ir-rebħa meta skorjaw it-tieni goal minn daqqa ta’ ras ta’ CATALIN GOLOFCA mill-cross ta’ Rondon.

FLORIANA: 12-Ini Etim Akpan, 6-Enzo Ruiz, 7-Diego Venancio, 8-Nicola Leone, 9-Kristijan Keqi, 17-Jurgen Pisani (11-Brandon Paiber 82), 20-Matias Nicolas Garcia, 22-Alex Cini (5-Muhamadou Moustapha Beye 69), 27-Flavio Silva Cheveresan (29-Marcelo Dias 67), 94-Ryan Camenzuli, 99-Tiago Adan Fonseca Coach  – Coach: Enzo Potenza

CFR CLUJ: 34-Cristian Balgradean, 3-Andrei Burca, 10-Cip­rian Deac, 11-Michael Pereira (16-Mateo Susic 83), 27-Alexandru Chipciu (23-Catalin Golofca 90), 28-Ovidu Hoban, 45-Camora, 55-Paulo Vinicius, 92-Cestor Mike, 94-Catalin Itu (6-Luis Aurelio 66), 99-Mario Rondon   – Coach: Dan Petrescu

REFEREE: Laurent Kopriwa (Lussemburgu)

ASS. REFEREES: Gilles Francois Becker, Claude Ries (Lussemburgu)

RABA’ UFF: Alain Durieux  (Lussemburgu)

SKORERS: C. Mike 53, C. Golofca 94 (C)

AMMONITI: F. Silva Cheveresan, N. Leone, K. Keqi, R. Camenzuli (F); C. Itu, C. Mike, A. Chipciu, C. Balgradean (C)

Share With: