Daqqa ta’ ħarta għal Man Utd fit-tentattiv li jiksbu lil Jadon Sancho

It-tamiet li Manchester Unitted jakkwistaw lil Jadon Sancho matul dan is-sajf ħadu daqqa kbira hekk kif Borussia Dortmund qed jinsistu li l-player internazzjonali Ingliż matul l-istaġun li ġej se jibqa’ jilgħab magħhom.

Ir-Red Devils ilhom isegwu lil dan il-player għal diversi ġimgħat u kienu lesti joffru somma konsiderevoli biex jiksbu is-servizzi tiegħu fejn iżda naqsu milli jilħqu s-somma mixtieqa minn Dortmund fejn anke tawhom żmien stipulat.

Iżda matul il-jum tat-Tnejn, id-direttur sportiv ta’ Dortmund, Michael Zorc ,insista li Man Utd m’għandhom l-ebda ċans li jiffirmaw lil Sancho hekk kif jinsab ma’ sħabu l-players fl-Isvizzera għal training camp tal-pre-season.

Zorc qal: “Aħna nippjanaw ma’ Jadon Sancho. Huwa se jilgħab magħna matul l-istaġun li ġej. Id-deċiżjoni hija finali. Naħseb li dan iwieġeb għad-domandi kollha.”

Zorc żvela wkoll li l-club b’mod sigriet kien ġedded il-kuntratt ta’ Sancho sal-2023, matul is-sena li għaddiet.

Huwa mifhum li Man Utd u Borussia Dortmund  kienu ‘l bogħod milli jilħqu ftehim rigward it-trasferiment ta’ dan il-player, speċjalment għall-fatt li l-Kap Eżekuttiv tal-ġganti Ġermaniżi kien qed jitlob xejn inqas minn £108 miljun għall-akkwist tiegħu.

Madankollu, min-naħa tagħom Man Utd immexxija miċ-chairman Ed Woodward, xorta waħda għadhom fiduċjużi li għad jistgħu jakkwistaw lil Sancho iktar tard matul dan l-istaġun, bit-tieqa tat-trasferimenti internazzjonali se tkun qed tagħlaq nhar il-5 ta’ Ottubru li ġej.

Dan filwaqt li qed jiġi rrapurtat li Man Utd qed isegwu l-passi wkoll tal-player ta’ Bayern Munich, Kingsley Coman, u tal-midfielder avvanzat ta’ Juventus, Douglas Costa.

Share With: