Dawk li qed jistennew biex jagħmlu swab test jew jistennew ir-riżultat tiegħu ma jistgħux jagħtu demm

Iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal li ta’ kuljum qegħdin isiru ammonti kbar ta’ testijiet għall-Coronavirus. Għalhekk, f’dan ix-xenarju, jixtieq jerġa’ jfakkar li dawk il-persuni li jkunu qed jistennew biex jagħmlu t-test, jew ikun għamlu t-test għall-COVID-19 u qed jistennew ir-riżultat tiegħu ma jkunux jistgħu jagħtu demm. Imbagħad, ġaladarba r-riżultat joħroġ negattiv ma jkunx hemm problema biex wieħed jagħti d-demm.

Intant dawk li huma f’saħħithom u eliġibbli biex jagħtu d-demm huma mistiedna biex jersqu jagħmlu d-donazzjoni tad-demm:

• fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.

• fil-mobile blood donation unit li nhar Is-Sibt 15 t’Awwissu ser ikun maġenb il-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

• fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 16 t’Awwissu ser ikun maġenb il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

• fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 16 t’Awwissu se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Hu importanti li wieħed jieħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll. Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 

Share With: