Delia u Grech mistennija jgħaddu d-‘due diligence’

Matul il-ġimgħa d-dieħla mistennija jintemm il-proċess ta’ ‘due diligence’ li l-PN qed jagħmel fuq iż-żewġ kandidati li se jikkontestaw għall-kariga ta’ kap tal-partit jiġifieri dak attwali Adrian Delia u Bernard Grech li bħalu huwa avukat.

Il-PN ħatar kummissjoni iffurmat minn tliet persuni – Antonio Ghirlando, Clyde La Rosa u Mario Galea (mhux il-membru parlamentari) – biex jara li isem il-kandidati jkun nadif u b’hekk iħallihom jikkontesataw.

Għalkemm sa minn qabel ma kien elett Delia kien hemm għidut dwaru u anke akkużi li għadhom jitqajjmu minn dawk ta’ kontrih, mhux mistenni li huwa jitwaqqaf milli jikkontesta hekk kif dan iqajjem furur f’dawk li għadhom jappoġġjawh.

Waqt li dawn favur Delia qed jittamaw li huwa jerġa’ jikseb il-fiduċja tat-tesserati kif kien għamel tliet snin ilu meta warrab l-oppożizzjoni tal-kontestant l-ieħor Chris Said, dawk ta’ kontrih qed jittamaw li din id-darba l-miżien ixaqleb lejn l-Avukat Grech.

Għalkemm jidher li dawk li jridu lil Grech huma ottimisti li bosta tesserati li kienu ivvutaw lil Delia issa m’għadx għandhom fiduċja fih, hemm minnhom li jinsab beżgħan li lejn l-aħħar tal-kampanja Delia jirkupra l-appoġġ meħtieġ biex jibqa’ kap.

Għalkemm kien hemm diversi drabi fejn ġie sfiduċjat minn organi differenti tal-partit, Delia baqa’ jinsisti li huwa kien elett bil-vot tat-tesserati u għalhekk dawk kontrih qed jittamaw li jitlef dan il-vot biex ikun tilef ukoll l-aħħar karta tiegħu biex jibqa’.

Malli t-tliet membri tal-kummissjoni jagħtu l-verdett tagħhom dwar jekk Delia u Grech għandhom jikkontestaw il-PN irid japprova l-kandidatura tagħhom u jibda jħejji għall-elezzjoni fost it-tesserati.

Għalkemm id-dati tal-votazzjoni għad irid jiġu deċiżi jidher li Ottubru jista’ jkun ix-xahar li fih issir l-għażla dwar il-futur tat-tmexxija tal-PN u jekk dan jikkonfermax lill-kap attwali inkella jwarrbu u jaħtar mexxej ġdid.

Share With: