Disa’ xhur ħabs wara li nqabad bid-droga fil-Marsa

Gausu Jabiru ta’ 21 mill-Ghana iżda residenti fil-Marsa, kien ikkundannat disa’ xhur ħabs wara li wieġeb ħati li kellu l-kannabis fil-pussess tiegħu, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa kien arrestat wara li nqabad bil-ħaxixa tal-kannabis fi Ġnien Belvedere u fir-residenza fejn joqgħod. B’kollox instabu tliet boroż b’sustanza suspettata kannabis u sitt iqratas oħra tal-istess droga.

Minbarra l-akkużi dwar pussess ta’ droga, Jabiru kien mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru mill-parametru ta’ skola jew post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.

Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ngħata sentenza ta’ disa’ xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €465. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri. L-Avukat Graziella Tanti dehret għar-raġel.

Share With: