Diskussjonijiet mal-Libja rigward koperazzoni fiż-żejt, gass u anke titjiriet

Minn MELVIN FARRUGIA

Iċ-Ċermen tal-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt Libjan, Mustafa Sanallah kien f’diskussjonijiet mal-Ambaxxatur Malti għal-Libja, Charles Saliba rigward koperazzjoni fid-dominju taż-żejt u l-gass, kif ukoll fil-mezzi ta’ komunikazzjoni li jistgħu jkunu ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi. 

Fost l-oħrajn, ġiet diskussa l-possibbiltà li jkun attivat il-memorandum konkluż bejn iż-żewġ pajjiżi fl-2013, li jipprovdi għal koperazzjoni bejn il-Libja u Malta. Barra hekk, tkellmu wkoll dwar il-mod kif jistgħu jiġu aġġornati l-laboratorji tal-analiżi taż-żejt, il-kmamer minn fejn joperaw u l-mod kif għandu jingħata taħriġ lit-timijiet mediċi. 

Din il-laqgħa seħħet aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn Sanallah wera sodisfazzjon għall-fatt li Maltin jixtiequ jikkopraw ma’ din il-korporazzjoni. Hu qal li Malta tista’ tilgħab irwol importanti biex tikkontribwixxi għar-ritorn għall-istabilità. Qal li għalhekk hu kruċjali li jkun hemm l-istabilità fil-Libja, għax inkella xejn ma jkun jista’ jsir minn dan. 

L-ambaxxatur Malti qal li l-istabilità tal-Libja hi wkoll parti mill-istabilità ta’ pajjiżna u dan hekk kif ilna għaddejjin b’relazzjoni ekonomika għal aktar minn 20 sena. 

Intant, jidher li għaddejjin ukoll diskussjonijiet il-linja tal-ajru Libyan Airlines tirreġistra l-ajruplani tagħha f’Malta permezz tal-kumpanija Medavia. Dan issemma f’diskussjonijiet rigward il-bidu mill-ġdid tat-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi u anke t-taħriġ ta’ ħaddiema f’Malta. 

Share With: