EasyJet jikkanċellaw it-titjiriet kollha lejn Malta sal-aħħar ta’ Awwissu

Wara li r-Renju Unit poġġa isem Malta fuq il-lista tal-pajjiżi minn fejn it-turisti jridu jagħmlu kwarantina wara li jirritornaw mill-btala tagħhom, kumpaniji bħal easyJet ħabbru li se jikkanċellaw il-pakketti tat-titjiriet f’dawn iż-żoni affettwati. 

Il-miżuri ta’ iżolament daħlu fis-seħħ minn dalgħodu fl-4.00 a.m. u għalhekk kien hemm ħafna turisti li fl-aħħar jumejn kienu qegħdin jagħmlu minn kollox biex jirritornaw lejn pajjiżhom u ma jiġux affettwati minn dawn il-miżuri. 

Kienu bosta l-linji tal-ajru li ħadu din l-opportunità u għollew il-prezzijiet. Fil-fatt, il-British Airways kellha biljetti ta’ £452 għal titjira diretta li saret ilbieraħ filgħaxija bejn Pariġi u Heathrow. Dan l-ajruplan kien mibjugħ kollu sal-10.30 a.m. L-istess titjira, illum tiswa biss $66.

L-istess ħaġa ġara għall-ferrovija Eurostar li minn Pariġi tmur Londra. Il-prezz sal-Ġimgħa ogħla għal £210, filwaqt li mil-lum il-prezz niżel għal £165. 

Kelliem għal easyJet ġie kkwotat jgħid li semgħu bl-aħbar mill-gvernijiet ta’ Malta, Franza u l-Olanda, li ġew miżjuda fil-lista tal-kwarantina. Qal li minkejja li din l-aħbar waslitilhom tard bil-lejl, huma xorta rnexxielhom jikkuntattjaw lill-klijenti affettwati ftit tal-ħin wara biex javżawhom li kienu se jikkanċellaw it-titjiriet u jagħtuhom rifużjoni sħiħa mill-aktar fis. Qal ukoll li t-titjiriet lejn dawn id-destinazzjonijiet huma kkanċellati sal-aħħar ta’ Awwissu.

Share With: