Efimova x’ġara minnha?

Fl-aħħar sigħat, bdew iqumu għadd ta’ mistoqsijiet x’ġara minn Maria Efimova, il-persuna li l-inkjesta Egrant kienet ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jibda proċeduri kriminali kontriha. Ftit xhur ilu Efimova kienet bdiet tiġbor il-flus online u dan biex skont kif qalet hi tkun tista’ tħallas kumpanijia indipendenti biex tivverifika id-dokument li għandha f’idejha. 

Jidher li hi ngħatat donazzjonijiet minn Malta għal dan, tant li issa huma diversi dawk li qed jistaqsuha x’għamlet bil-flus u f’hiex waslet l-applikazzjoni tagħha għal status ta’ whistleblower. Sal-bieraħ, wara diversi jiem li kienet mistoqsija minn diversi Maltin hi kienet għadha ma weġbitx.

Dan qed iqajjem tħassib dwar x’ġara minnha u x’għamlet bil-flus. Filfatt kienu diversi persuni Maltin li bagħtulha messaġġi b’wieħed minnhom jistaqsiha speċifikatament x’għamlet bil-flus. Il-messaġġi ilhom li intbagħtu sitt ijiem u sal-bieraħ, Efimova ma kienet għadha tat l-ebda risposta. 

Irid jingħad li f’Jannar li għadda, Efimova kienet iddikjarat li l-ġbir ta’ flus qed isir biex twassal “l-istorja ta’ Egrant fi tmiemha”.

Efimova kienet ġabret aktar minn €10,000, l-għan tagħha huwa li tiġbor is-somma ta’ €15,000. Spjegat li parti mill-flus li qed tiġbor se jmorru għall-applikazzjoni tagħha għall-istatus ta’ Whistleblower f’Malta. Qalet li jekk ikollha dan l-istatus hi se tkun tista’ tixhed fl-investigazzjoni dwar ħasil tal-flus mill-Bank Pilatus lura fis-sena 2016.

Fuq il-paġna fejn qed issir il-ġabra, Efimova kienet spjegat li hi għandha dokumenti f’idejha u se tkun qed tħallas investigatur forensiku indipendenti sabiex turi li d-dokumenti huma awtentiċi.

Spjegat li matul l-aħħar sentejn, il-familja tagħha kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna inkwiet hekk kif qed tissielet ma talbiet ta’ estradizzjoni minn Malta mill-korp tal-Pulizija. Spjegat li għal din ir-raġuni, m’għandhiex flus biżżejjed biex tħallas il-miżati legali.

Hi qalet li l-aħħar tibdiliet fil-gvern Malti u fil-Korp tal-Pulizija jistgħu jwasslu sabiex il-verità toħroġ u l-istorja ta’ Egrant tasal fi tmiemha.

Ta’ min jgħid li l-inkjesta Egrant appellat lill-pulizija biex jieħdu passi kontra Efimova, li għaddiet informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia. Fil-konklużjoni tal-inkjesta, l-Imħallef Aaron Bugeja qal li ħafna stqarrijiet ta’ Efimova ma kinux minnhom.

Share With: