Express Trailers tikkunsidra l-operat billejl

“L-ispejjeż ekonomiċi tal-konġestjoni qed isiru għoljin wisq speċjalment meta l-kummerċ elettroniku qed isir dejjem iżjed popolari. Filwaqt li domanda ogħla tfisser iżjed xogħol għall-operaturi tal-loġistika, iżjed operat ikun ifisser iżjed traffiku u telf f’termini ta’ fjuwil u sigħat ta’ xogħol. Naħsbu li wasal iż-żmien li nibdew nikkunsidraw il-possibiltà ta’ operat billejl.”

Dan qalu Franco Azzopardi, Chairman u CEO ta’ Express Trailers li kompla jispjega kif f’ħafna swieq oħra, il-kunċett ta’ ‘last mile’, għalkemm mhux daqstant kunċett ġdid, jidher li huwa soluzzjoni ippruvata.

“Fis-settur tagħna, huwa fatt aċċettat li l-‘aħħar mil’ jew il-parti finali tal-proċess tal-kunsinna, sar l-akbar spiża. Huwa hawnhekk li qed jitqiesu bosta soluzzjonijiet biex jgħinu l-kunsinna tal-aħħar mil u waħda minn dawn hija li d-deliveries isiru bil-lejl. Għal bosta snin, bosta pajjiżi ilhom jieħdu interess f’din l-idea ta’ konsenja barra mis-sigħat l-aktar bieżla inkluż l-operat ta’ bil-lejl bħala soluzzjoni effettiva biex tħaffef it-traffiku u ttaffi l-konġestjoni matul il-jum,” jispjega Franco Azzopardi.

Huwa rrefera għal diversi proġetti pilota li saru fl-imgħoddi sabiex ikun eżaminat l-effett ta’ inizjattiva bħal din, l-effiċjenza li tista’ tinkiseb u x’ikun l-impatt fuq l-ambjent. 

F’New York, qed ikun stmat li l-benefiċċji ekonomiċi ta’ deliveries bil-lejl qed ilaħħqu mal-$193 miljun fis-sena. Inizjattiva oħra li qed issir iżjed popolari fosthom f’Manhattan, hija dik li jsiru deliveries f’ħinijiet mhux daqshekk popolari u li dawn ma jkunux assistiti la minn min jopera l-loġistika u lanqas mill-klijent. Fil-fatt, min jirċievi l-kunsinna m’għandux għalfejn ikun fiżikament preżenti waqt id-delivery, iżda jkun hemm intermedjarji li megħjuna mit-teknoloġija, iwasslu l-kunsinna waħedhom.

“Qed isir dejjem aktar diffiċli biex l-operaturi tat-trasport u l-loġistika joperaw u biex il-komunità ġenerali ma tibqax affettwata minn operazzjonijiet bħal tagħna, li aħna nirrikonoxxu li huma piż fuq it-triq. Huwa fatt ukoll li n-nies qed jitħabtu mas-sitwazzjoni tat-traffiku li qed tagħmel il-ħajja aktar frustranti u twassal għal ħafna ħin wieqaf u telf ta’ produttività. Jien nemmen li bħala operatur tal-loġistika, nistgħu niksbu soluzzjoni effiċjenti u kosteffikaċi,” kompla Franco Azzopardi. 

“L-enfasi trid tkun fuq li nħeġġu lill-bejjiegħa sabiex jifhmu l-bżonn ta’ din il-bidla u jaċċettaw li jippruvaw ikunu parti mis-soluzzjoni. Hemm bżonn li jintlaħaq ukoll ftehim bejn l-istakeholders ewlenin fosthom entitajiet governattivi, bejjiegħa, operaturi tal-loġistika, ċittadini u residenti f’dawk iż-żoni qrib fejn isiru l-kunsinni sabiex is-soluzzjoni għal din il-problema tinstab b’mod kollaborattiv u bejn kulħadd,” żied qal Franco Azzopardi.

“L-isfida ewlenija fl-introduzzjoni ta’ skema bħal din hija l-bżonn li jkun hemm bidla fil-kultura u l-mentalità,” żiedet tgħid Martina Vella li għadha kemm iggradwat fl-Ekonomija bit-teżi tagħha ‘Investigating Stakeholders’ Support for Off-Peak Hour Deliveries in Malta’ li propju jitratta dan l-istess suġġett.

Franco Azzopardi laqa’ lil Martina abbord it-tim tiegħu u qal “kuntent li issa Martina ingħaqdet fl-uffiċċju magħna fejn se tkun qed tassistini fir-riċerka. Ċert li l-kontribut tagħha se jkun essenzjali ferm għall-ħidma tagħna.”

Martina Vella saħqet li filwaqt li din l-idea tal-loġistika bil-lejl mhiex idea fl-arja iżda soluzzjoni studjata u ttestjata b’mod pożittiv, għad hemm sfidi x’jingħelbu biex ikun jista’ jkun hemm l-introduzzjoni ta’ loġistika bil-lejl.

“L-isfidi ewlenin li ħarġu minn diversi studji u li fil-fatt kienu esperjenzati, dejjem kienu jikkonċernaw erba’ aspetti ewlenin jiġifieri l-istorbju, l-aċċess limitat, is-sehem ta’ min qed jirċievi l-kunsinna u s-sehem ta’ min qed iwassal it-tagħbija. Sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet, kull min b’xi mod jista’ jkun involut, irid ikun imħeġġeġ li jipparteċipa u mhux sfurzat,” qalet Martina Vella.

“Għall-bidu, din is-soluzzjoni m’għandhiex tkun sfurzata fuq il-bejjiegħa u l-operaturi tal-loġistika iżda dawn għandhom ikunu mħeġġa jipparteċipaw permezz ta’ inċentivi u għajnuna. Imbagħad, is-soluzzjoni għandha tkun imposta iżjed ‘il quddiem speċjalment jekk il-potenzjal ikun qiegħed hemm iżda l-parteċipazzjoni tkun għadha fqira.”

L-istorbju kapaċi jkun problema speċjalment minħabba l-fatt li ħafna mħażen jinsabu f’żoni residenzjali iżda dan mhux daqshekk problema f’każ ta’ żoni industrijali fejn ħadd ma jkun disturbat. Sfida oħra kapaċi tkun dik ta’ riżorsi umani minħabba li ħafna nies għadhom jippreferu jaħdmu fil-ħinijiet normali tax-xogħol għal raġunijiet personali, u ftit huma dawk li forsi jkunu lesti li jaħdmu bil-lejl. Għaldaqstant dan kapaċi jkun ifisser ukoll pagi ogħla u spiża kemmxejn akbar għal min iħaddem.

Hija u tirreferi għar-riċerka tagħha fost għadd ta’ negozji, jidher li jekk ikun hemm biżżejjed inċentivi, dawn kapaċi jħeġġu lil kumpaniji jikkunsidraw l-operat ta’ bil-lejl. Dawn l-inċentivi jinkludu ħlas bil-mil lill-kumpaniji ta’ trasport kull meta joperaw bil-lejl, grants speċifiċi lil dawk il-kumpaniji li joperaw b’mod iżjed sostenibbli b’inqas emissjonijiet u vetturi elettriċi, liċenzji irħas għall-vetturi li joperaw bil-lejl, sussidji biex ipattu għall-pagi ta’ l-overtime kif ukoll skontijiet fuq il-ħlas ta’ shipping.

“L-operaturi kapaċi jkunu mħeġġa b’inċentivi oħra wkoll fosthom konċessjonijiet fuq it-taxxa, aġevolazzjonijiet u self b’imgħax baxx li jpatti għall-ispejjeż żejda filwaqt li l-Gvern jista’ jwiegħed għajnuna finanzjarja biex ikopri l-ispejjeż żejda mqar sakemm is-servizz ikun qabad sew. Min jirċievi l-kunsinna se jgawdi wkoll għaliex hemm garanzija ferm ogħla li l-kunsinna ssir fil-ħin,” żiedet Martina Vella.

“Essenzjalment, qed nippruvaw nipproponu operat iżjed sostenibbli,” qal Franco Azzopardi. “Kif nafu, l-aspett ta’ sostenibbiltà qed isir element kruċjali mhux biss fil-mod kif il-kumpaniji joperaw iżda wkoll fil-mod kif jiddistingwu ruħhom. Bħala kumpaniji tal-loġistika, inbatu biex inkunu sostenibbli f’ambjent fejn it-traffiku qed jibqa’ jiżdied u l-ispejjeż marbutin mal-konġestjoni qed ikomplu jogħlew minħabba spejjeż ta’ fjuwil u iżjed xogħol. L-operat f’ħinijiet mhux daqshekk traffikużi kapaċi jnaqqas l-ispejjeż speċjalment jekk jirnexxielna noperaw b’iżjed effiċjenza u f’iżjed ħin li jippermettielna li naċċettaw iżjed negozju.” 

“Minbarra dan kollu iżda, ħaġa waħda nibqgħu ċerti minnha: il-pajjiż ma jistax jibqa’ ma jagħmel xejn. Is-soluzzjoni kapaċi diġa’ qiegħda hemm. Kull ma rridu nagħmlu huwa li nieħdu azzjoni,” temm Franco Azzopardi.

Share With: