F1: Lewis Hamilton jirbaħ il-GP tal-Ingilterra

Is-sewwieq Britanniku tal-Formula Wieħed, Lewis Hamilton (Mercedes), rebaħ b’mod drammatiku l-Gran Prix tal-Ingilterra għas-seba’ darba fil-karriera tiegħu.

Huwa għamel dan kollu b’taqtiegħ il-qalb hekk kif  fl-aħħar mumenti tat-tiġrija huwa sofra puncture. Iżda minkejja kollox, hu żamm sod biex rebaħ bl-aktar mod meritat.

Hamilton irreġistra ħin ta’ 1:28.01.283 u spiċċa quddiem is-sewwieq Olandiż, Max Verstappen (Red Bull), li pprova jattakka lejn it-tmiem iżda temm b’distakk ta’  5.85 sekondi.

Din ir-rebħa għal-leader tal-klassifika u ċ-champion renjanti kienet il-91 waħda tal-karriera tiegħu. 

Fil-kummenti tiegħu, Hamilton iddeskriva l-aħħar dawra bħala l-aktar waħda diffiċli tal-karriera tiegħu minħabba li ried itemm it-tiġrija akkost ta’ kollox hekk kif kien qed itellaq f’art twelidu. 

Huwa qal li kien taħt pressjoni minħabba li l-kollega tiegħu, il-Finlandiż Valtteri Bottas, kien qed jagħmel kull manuvra biex jieħu l-kmand tat-tiġrija.

Fl-aħħar parti beda jħoss diffikultá kbira sabiex jikkontrolla l-isteering meta kellu problemi kbar fit-tyre ta’ quddiem tax-xellug iżda b’xorti tajba r-rota ma nqalgħetx minn postha u għaldaqstant seta’ jwassal il-karozza tiegħu sat-tmiem.

Fit-tielet post spiċċa s-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc (Ferrari), b’distakk ta’ 18.47 sekondi minn Hamilton, segwit mill-Awstraljan Daniel Ricciardo (Renault), il-Britanniku Lando Norris (McLaren) u l-Franċiż Esteban Ocon (Renault).

Intant, il-Ġermaniż, Sebastian Vettel (Ferrari) u Bottas iddiżappuntaw bil-kbir hekk kif spiċċaw fl-10 u fil-11-il postijiet rispettivament, b’tal-aħħar tilef bosta sekondi prezzjużi meta daħal fil-pit-stop wara ħsarat fit-tyres. 

Klassifika: 88 – Lewis Hamilton; 58 – Valtteri Bottas; 52 – Max Verstappen; 36 – Lando Norris;  33 – Chares Leclerc; 26 – Alexander Albon; 22 – Sergio Perez; 20 – Lance Stroll, Daniel Ricciardo; 15 – Carlos Sainz Jr; 12 – Esteban Ocon.

Share With: