“F’dak il-vjaġġ ħadd ma jagħti każ jekk tmut jew tibqax ħaj” – testimonjanzi ta’ immigranti f’rapport pubblikat mill-UNHCR

Miktub minn Victor Vella

“Jien kont miżmum fid-detenzjoni fil-Libja. Hemmhekk kien hemm ħafna persuni morda bit-tuberkolożi. Ma konna ningħataw ebda kura. Rajna nies imutu kuljum. Bejn tnejn u tiet persuni kienu jmutu kuljum. Kienu ħadu 50 persuna, u qalulna li se jeħduhom għal kura imma qatt ma ġew lura. Ma nafux baqgħux ħajjin jew le. Fid-detenzjoni m’hemmx aċċess għad-dawl tax-xemx jew l-arja ta’ barra. Jien kont ilni mis-sena 2017 ma nara l-arja ta’ barra. Ħuti l-bniet għadhom hemm”.

Din it-testimonjanza għaddiha immigrant mill-Eritrea, fis-sena 2019, lill-UNHCR, meta kien evakwat mil-Libja. Din it-testimonjanza, toħroġ minn rapport mill-aktar dettaljat li għadu kif ġie pubblikat mill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR). Minn dan ir-rapport, li biex sar ġew intervistati xejn inqas minn 16,000 refuġjat u immigrant li għamlu l-vjaġġi perikolużi mill-Afrika lejn l-Ewropea. 

Mir-rapport joħroġ b’mod ċar ħafna u bla ebda dubju li l-Libja mhux post sigur biex fih jgħixu l-immigranti jew biex jintbagħtu lura dawk li jkunu ħarbu min hemm. Ir-rapport juri li l-abbandun t’a nies f’idejn traffikanti u kriminali, wasslu biex b’mod ripetut isiru atti kriminali.  Ir-rapport jitlob li jittieħdu l-passi li hemm bżonn.

Ir-rapport sar bejn il-Mixed Migration Centre (MMC) tad-Danish Refugee Centre u l-UNHCR.

Kont ostaġġ fil-Libja – Khadra mis-Somalja

Tispikka l-esperjenza ta’ Khadra mis-Somalja. Kienet ostaġġ fil-Libja. “Meta wasalna l-Libja ħaduna f’binja kbira u fiha kien hemm ħafna persuni. Hemmhekk qaluli biex inħallas. Kont qed ninżammu taħt l-art. Nikkalkula li fiha kien hemm mat-300 persuna.  Kien hemm għadd ta’ persuni morda ukoll. Riduni nħallas $8,000. Jien ċempilt lil ommi u għedtilha. Qaltli li m’għandhiex $8,000. Għedtilha tbigħ id-dar u kif ikolli l-flus nibgħatilha.”

Issostni li “wara, dak ir-raġel ħadni barra u staqsieni jekk għandix flus. Jien għedtlu biex jistenna għax il-flus kienu ġejjin. Beda jqabbadni ħafna xogħol x’nagħmel. Darba minnhom neżżagħni quddiem kulħadd. Neħħili il-hijab u tefgħali l-ilma. Wara ġab barmil bl-ilma u daħħalli rasi fih u beda jtina b’lasta fuq sieqi.”

Tenfasizza li “finalment ommi għamlet kuntatt miegħi. Qaltli li ma rnexxielix iġġib dawk il-flus. Qaltli li jekk tbiegħ id-dar hi ma jkollhiex fejn toqgħod u torqod.  Għedtilha ma tinkwetax għax Allah kien se jieħu ħsieb hu.  Għedtilha xi darba se jirnexxieli nitlaq minn hawn.  Ir-raġel reġa’ ġie u beda jitlobni ‘l ħlas ta’ $8,000. Beda jheddidni li jekk ma nħallasx kien se joqtolni u jeħodni ċ-ċimiterju. ‘Noqtlu billi naħarquk ħajja” kien jgħidli.  Wara beda jgħidli nħallas $4,000. Ommi u anke z-ziju kienu qed jippruvaw iġibu dawk il-flus.  Finalment iz-żiju kellu $2,000.  Bagħthomli. Tajthomlu u r-raġel beda joħroġni filgħaxija barra  u jgħidli naħseb anke l-ħitan u l-post fejn kienu qed jgħixu dawn l-immigranti kollha. Anki fejn konna nsajru kien iqabbadni nnaddaf.  Jekk kien jara li ħallejt xi ħaġa kien jaqbadni minn widnejja u jsawwatni.”

“Ngħid li fil-Libja ma kontx stuprata imma kont imsawwta. Kien hemm tfajliet imma li filgħaxija hu kien jeħodhom għalih. Dan ir-raġel filgħaxija kien jisker u kien isawwatna u jittorturana. Kienu jieħu tfajliet id-dar tiegħu u jistuprahom. Lis-subien kien isawwathom ħafna.  Kien ipoġġihom iħarsu lejn ħajt u mbagħad isawwathom. Kien anke ineżżagħhom. Konna norqdu mal-art. Hu kien jiġu f’nofs ta’ lejl b’torċ u jaqbad lil xi ħadd u jieħdu miegħu.  Kif konna narawh ġej, il-bniet konna ninġabru flimkien imbezzgħin. Ma stajna nagħmlu xejn.”

Ir-rapport

Ir-rapport tal-UNHCR jgħid li eluf ta’ refuġjati u migranti qed imutu  waqt li oħrajn qed jgħaddu minn soffrenzi kbar. Ir-rapport jgħid li dawn l-immigranti jiffaċċjaw abbużi kbar tad-drittijiet umani fil-vjaġġo li jsiru mill-punent u mil-lvant tal-Afrika lejn il-kosta tal-Mediterran.

Ir-rapport jgħid li l-abbużi qed iseħħu minn traffikani, kuntrabandisti, milizzji u f’xi każi anki uffiċjali tal-Istat. 

Filippo Grandi, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti qal li “għal ħafna żmien dawn l-abbużi li għaddew minnhom ir-refuġjati u immigranti tħallew għal riħhom. Dan ir-rapport qed jiddokumenta qtil u vjolenza mifruxa. Vjolenza brutali  u li qed issoir kontra persuni li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-vjolenza u mill-persekuzzjoni.” 

Ir-rapport jgħid li minn tal-inqas 1,750 persuna mietu waqt li kienu qed jagħmlu dawn il-vjaġġi bejn is-sena 2018 u 2019. Dan ifisser 72 mewt kull xahar.   Dawn l-imwiet huma appart dawk  l-eluf l-oħra li spiċċaw sparixxew.

Ir-rapport jgħid li 28 fil-mija tal-imwiet li kienu rappurtati fis-sena 2018 u 2019, seħħew meta l-immigranti kienu qed jippruvaw jaqsmu id-deżert tas-Sahara.  Postijiet oħra fejn kien hemm fatalitajiet oħra huma Sabha, Kufra u Qatrun li jinsabu fin-nofsinhar tal-Libja.

Bani Walid, li hi meqjusa bħala post ċentrali għat-traffikar, ukoll iseħħu għadd ta’ fatalitajiet. 

Ir-rapport jgħid li dawn li jirnexxielhom isalvaw, ħafna drabi jispiċċaw bi problemi mentali u trawmi.

Ir-rapport jgħid li nisa, tfajliet u anke subien, huma f’riskju kbir li jispiċċaw stuprati. Dan isir l-aktar f’checkpoints u fil-fruntieri u anke waqt li jaqsmu id-deżert. Filfatt 31 fil-mija ta’ dawk intervistati qalu li raw jew esperjenzaw vjolenza sesswali fis-sena 2018 u 2019.

Sfurzati fil-prostizzjoni 

Mir-rapport joħroġ li ħafna jirrapportaw li kienu sfurzati jidħlu fil-prostituzzjoni jew forom oħra ta’ esplojtazzjoni sesswali mit-traffikanti. Bejn Jannar tas-sena 2017 u Diċembru tas-sena 2019, il-UNHCR irreġistrat xejn inqas minn 630 każ ta’ traffikar ta’ refuġjati fil-lvant tas-Sudan. 

L-istess rapport jgħid li la darba dawn jaslu l-Libja, huma jkunu f’riskju li jsofru aktar abbużi u dan hekk kif minħabba l-kunflitt fil-Libja u minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet, it-traffikanti u l-milizzji jistgħu jaġixxu mingħajr ma jittieħdu passi kontrihom.

Ir-rapport qed issejjaħ lill-komunità internazzjonali biex tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet fil-ġlieda tagħhom kontra it-traffikar uman.

L-istess rapport jgħid li ħafna immigranti li jippruvaw jaħarbu. mil-Libja ikunu interċettati mill-Gwardji tal-Kosta Libjani u dawn jerġgħu jiġu ritornati lejn il-Libja. 

Filfatt aktar minn minn  6,200 refuġjat u migranti imbarkaw mil-Libja fis-sena 2020. Hu previst li dan l-ammont sa l-aħħar ta’ din is-sena taqbeż l-ammont li kienu rritornati is-sena li għaddiet li kien ta’ 9,035 persuna.  Wara li jkunu ritornati huma jittieħdu lura fid-detenzjoni, fejn hemmhekk mhux biss jinżammu f’kundizzjonijiet inumani imma anke jesperjenzaw l-abbużi.

Bram Frouws, li hu l-Kap tal-Mixed Migration Centre, jgħid li “mill-informazzjoni li għandna, il-Libja mhux post sigur biex lejh jintbagħtu immigranti li jkun interċettati. Dan hu l-aħħar rapport li qed jiddokumenta dak li qed isir. Dan ma jistax jiġi injorat aktar”.

Share With: