F’dan l-istadju l-Pulizija qed tqis il-każ ta’ Tas-Sliema bħala serqa

Il-Kummissarju beda l-konferenza tal-aħbarijiet biex jirringrazzja lil dawk kollha involuti fosthom uffiċjali li saħansitra daħlu mil-leave tagħhom biex jgħinu biex jissolva dan il-każ.

Intant filwaqt li kompla jitkellem dwar l-iżviluppi b’rabta ma’ dan il-każ Gafa kkonferma li fil-qtil intużaw sitt tiri ta’ pistola 9mm fejn Ivor Macjieovski nqatel b’tir f’moħħu filwaqt li t-tabib Pandolfino qala’ 2 tiri f’sidru, f’għonqu u f’rasu, b’tir minnhom ma laqat lil ħadd.

Jidher li nsteraq deheb minn fuq iż-żewġ vittmi u b’hekk sal-lum il-Pulizija qiegħda tqis dan il-każ bħala wieħed relatat ma’ serqa.

Gafa spjega li llum il-Pulizija kienet konxja li kienet se tarresta persuna potenzjalment perikoluż u għalhekk issejħu membri mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit u kull uffiċjal kien liebes ilbies protettiv.

Huwa qal li ntużaw erba’ flashbanks li jintużaw biex jidiżorjentaw il-persuna u kien hawnhekk li l-istess Pulizija daħlu għall-għarrieda fuq ir-raġel Albaniż u saħansitra ħatfulu arma minn idejh. Il-Pulizija sabet żewġ persuni oħra, b’wieħed minnhom jiġi arrestat b’rabta mal-allegat ħabi ta’ persuni.

Is-suspettat ilmenta li kellu uġigħ fi snienu u għalhekk qabel kompliet bl-invetigazzjonijiet, il-Pulizija ħaditu fil-poliklinika tal-Furjana biex tkun aċċertata l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu.

Qal ukoll li s-suspettat arrestat, li kien fuq bail, waqaf jiffirma l-għassa wara d-delitt u qal ukoll li fil-karozza VW Tiguan li ntużat fil-qtil instabu fiha repliki tal-armi AK-47 u Thompson.

Il-Kummissarju kkonferma li ma ġie elevat l-ebda deheb li nsteraq dakinhar tal-qtil, iżda ikkonferma li kien hemm affarijiet oħra li ġew elevati u li se jkunu qed jiġu investigati biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm rabta mal-qtil f’Tas-Sliema.

Dan huwa s-sitt każ ta’ qtil mill-bidu tas-sena – bl-ewwel ħamsa kienu solvuti.

Konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija

Konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija

Posted by The Malta Police Force on Tuesday, August 25, 2020

Il-Pulizija se tkun qiegħda taġġorna lill-pubbliku dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-qtil doppju f’Tas-Sliema permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet fil-ħin li ġej. Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija kkonfermat li dawn id-dettalji se jkunu qed jingħataw fis-6:45 p.m. Inewsmalta se tkun qed taġġorna b’mod dirett dak li se jkun qed jingħad f’din il-konferenza.

Share With: