“Fi Triq il-Kosta jrid ikun hemm aktar sorveljanza”

Pierre Vella jgħid li l-preżenza tal-pulizija fi deterrent għal sewqan eċċessiv

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, Pierre Vella, jisħaq li għandu jkun hemm aktar sorveljanza fi Triq il-Kosta bil-għan li jitnaqqsu r-rati ta’ inċidenti tat-traffiku. Vella qal dan f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal b’reazzjoni għall-aħħar inċident tat-traffiku fatali li fih tilef ħajtu Pal Lengyel. 

L-Ungeriż, li kellu 50 sena u kien sewwieq tal-mutur, kien l-aħħar vittma t’inċident f’din l-istess triq fil-limiti tan-Naxxar, li hija magħrufa bħala waħda mill-aktar toroq f’Malta prominenti għall-inċidenti. 

Fost il-bosta kummenti ta’ dispjaċir wara din il-mewta traġika, persuna qalet, “kemm iddejjaqni dik it-triq … sewwieqa daqstant tajbin, iżda kollha tilfu ħajjithom fl-istess post.”

Vella nsista li s-sewwieqa, kemm tal-muturi kif ukoll tal-karozzi għandhom ikunu responsabbli kemm għalihom stess, kemm għal dawk li jkunu magħhom kif ukoll għall-qraba u ħbieb li se jbatu wkoll jekk jiġri inċident fatali. 

Fi statistika maħruġa fil-perjodu bejn l-2014 u l-2019 ġie rikonoxxut li Triq il-Kosta, tinsab fl-ewwel post bħala waħda mill-aktar toroq perikolużi f’pajjiżna u fit-tieni post għall-aktar imwiet fuq is-sit. F’dan l-istess perjodu ġie rreġistrat total ta’ 31-il każ ta’ inċidenti serji li uħud minnhom kienu fatali. 

Vella żied jgħid li jekk ikun hemm pulizija bil-muturi jew karozzi, kemm jekk b’mobile speed cameras kif ukoll jekk le, is-sewwieqa se joqgħodu aktar attenti li ma jagħfsux il-gass kif ġara meta dan seħħ. 

Huwa rrikonxxa wkoll li jaf ikun hemm min li għax ikun konxju mis-sorveljanza f’din it-triq ifittex toroq oħra biex isuq b’certu veloċità u għalhekk huwa importanti li s-sewwieqa jagħrfu jsuqu bil-galbu. 

Minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jidher li fl-2019, inċidenti bil-mutur kienu parti minn 28.3% min-numru total ta’ inċidenti li seħħu fil-pajjiż, jiġifieri 4,187. 

Vella temm jgħid li s-sewqan eċċessiv mhix problema f’pajjiżna biss imma fil-kumplament tad-dinja hekk kif fi żmien il-Covid-19 ġiet innutata żieda f’inċidenti għall-fatt li kien hemm toroq vojta u għaldaqstant kien hemm min ħa l-opportunità biex isuq aktar.

Share With: