Gafà jallega li għaqdiet kriminali qed jgħidu lill-immigranti biex kif jintlemħu minn ajruplan itaqqbu d-dinghy

L-eks-impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Neville Gafà qed jallega li l-għaqdiet kriminali qegħdin jagħtu istruzzjonijiet lill-immigranti biex malli jintlemħu minn xi ajruplan, dawn itaqqbu minnufih id-dinghy ħalli bilfors ikollha ssir missjoni ta’ salvataġġ. 

Gafà kiteb dan f’post fuq il-midja soċjali fejn qal li xi “NGOs” Ewropej li joperaw fiċ-ċentru tal-Mediterran ħalfu li jibdlu lil Malta f’kamp tar-refuġjati. 

Allega li ċerti għaqdiet kriminali qegħdin jagħtu dawn l-istruzzjonijiet lill-immigranti biex bħalma ġara lbieraħ, il-Forzi Armati ta’ Malta jkollhom iwettqu missjoni ta’ salvataġġ u jiddaħħlu pajjiżna. 

Gafà qal li f’ġieħ is-sigurtà nazzjonali, il-Gvern Malti għandu jagħlaq il-portijiet Maltin għall-immigrazzjoni illegali u bla dewmien.

Share With: