Ġew sparati mill-anqas sitt tiri … Tliet persuni daħlu fir-residenza u ħarbu 4 minuti wara

Kienu għall-ħabta tal-10:30 p.m li l-Pulizija rċeviet sejħa minħabba sparatura fi Triq Locker f’Tas-Sliema. 

Mal-wasla tagħhom il-Pulizija, sabu l-ewwel vittma fl-entrata. Kien Chris Pandolfino ta’ 58 sena. Minn aktar tfittxijiet instab ir-raġel l-ieħor; Ivor Maciejowski ta’ 30 sena. Iż-żewġ persuni nqatlu b’diversi tiri fejn ġew sparati minn tal-anqas sitt tiri. L-awtopsja fuq il-vittmi se tkun qiegħda ssir għada.

Brandon Pisani qal li mhux qed ikun eskluż xejn f’dan l-istadju iżda mhux prudenti li jsiru spekulazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ.

Minn filmati mill-kameras tas-sigurtà rriżulta li Chris Pandolfino ħareġ għall-ħabta tas-7:00 p.m u daħal lura fl-10:00 p.m.

Fl-10:19 p.m dehru deħlin fir-residenza tliet persuni li ħarġu erba’ minuti wara fl-10:23 p.m. Huma ħarbu minn fuq il-post b’vettura bajda li l-għamla tagħha għad trid tiġi stabbilità.

Dwar dan il-każ inħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Ian Farrugia li ħatar numru ta’ esperti f’dan il-każ.

Il-Pulizija mhi teskludi xejn f’dan l-istadju kemm dwar il-motiv kif ukoll dwar il-qattiela; kemm jekk dawn humiex Malti jew barranin.

Qabel: Fl-aħħar ħin il-Pulizija kkonfermat li se tkun qiegħda tindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-qtil doppju li seħħ il-lejl li għadda f’Tas-Sliema.

Il-Konferenza se tkun qiegħda tixxandar għall-ħabta tas-2:30 p.m

Aktar dettalji fil-ħin li ġej…

Share With: