Heddet xufier tat-taxi b’pistola wara li talabha tinżel għax offendietu

Russa ta’ 40 sena residenti l-Imsida kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li heddet xufier tat-taxi b’pistola ‘airsoft’. Marina Sergeevna Bushaeva tressqet b’urġenza fil-Qorti fejn ġiet mixlija li wettqet dan ir-reat fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu f’San Ġiljan. 

Jidher li l-każ kellu l-bidu tiegħu meta x-xufier beda jkellem lil seħbitha bit-Taljan u wara li ma bdietx tifhmu staqsietu x’kien qed jgħid. Għal xi raġuni l-akkużata ħadet għaliha u allegatament bdiet toffendi lix-xufier, bil-konsegwenza li dan tal-aħħar tefa’ fil-ġenb u talabha biex tinżel mill-karozza. 

Kien hawn fejn hija ħarġet il-pistola u ppontata fid-direzzjoni tiegħu, bix-xufier jibqa’ nieżel dritt biha l-Għassa. Bushaeva, li fil-Qorti qalet li ma taħdimx, kienet mixlija li heddet lix-xufier b’użu ta’ arma u li kkawżatlu biża’ li se tintuża vjolenza kontrih. 

Hija kienet mixlija wkoll li kellha arma fil-pussess tagħha u li użat airsoft barra miż-żoni speċifikati approvati mill-Bord dwar l-Armi. Mistoqsija x’se twieġeb għall-akkużi miġjuba kontriha, il-mara wieġbet li hija ħatja, bil-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo tikkundannaha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għal Bushaeva.

Share With: