I Choose – Ngħinu lill-istudenti tagħna jagħmlu l-pass għall-edukazzjoni post-sekondarja

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Ġimgħa u s-Sibt, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol tella’ fiera speċjaliżżata li kienet indirizzata kompletament għall-istudenti tal-aħħar sena tas-sekondarja. Fiera li ssir kull sena biex tgħin lill-istudenti fl-għażliet tagħhom post-sekondarji u terzjarji. Il-fiera ‘I Choose’ kienet suċċess, b’parteċipazzjoni sabiħa ta’ edukaturi li taw mill-ħin tagħhom biex jgħinu lill-istudenti u jiddireġuhom b’informazzjoni dwar opportunitajiet għat-tkomplija tal-edukazzjoni tagħhom.

Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici meta qalilna, “Il-fiera ‘I Choose’ għal darb’oħra kienet suċċess! Grazzi lill-edukaturi kollha li attendew biex jagħtu assistenza lill-istudenti kollha tal-Year 11 dwar l-għażliet li jmisshom jagħmlu. Fuq kollox grazzi lill-istudenti nfushom u l-ġenituri tal-konkorrenza!” 

Il-fiera mmirata lejn l-istudenti kollha tas-sena 11 (Form 5), involviet stands għall-post-sekondarja u istituzzjonijiet terzjarji ma’ edukaturi tal-iskola biex dawn jipprovdu informazzjoni u appoġġ lil dawn l-istudenti. Kien hemm ukoll sensiela ta’ taħditiet informattivi mifruxa fuq jumejn li ngħataw minn kelliema minn setturi differenti ta’ xogħol u edukazzjoni u wkoll taħriġ.

Il-Ministru Bonnici spjegalna li, “l-informazzjoni u l-għajnuna mogħtija f’din il-fiera kienu dwar il-korsijiet li joffru l-istituzzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ karrieri li huma disponibbli. L-edukaturi pprovdew l-appoġġ li għandhom bżonn dawn l-istudenti biex jiddeċiedu fuq liema karriera huma jistgħu jagħżlu. Kienet opportunità oħra li matulha l-istudenti tagħna setgħu jesploraw għażliet post-sekondarji wara li jħallu l-edukazzjoni obbligatorja. L-avveniment I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi għalhekk ippermetta lill-istudenti tagħna biex jagħmlu għażliet infurmati dwar il-futur tagħhom.”

Fil-fiera pparteċipaw kull istituzzjoni post-sekondarja edukazzjonali. Rappreżentanti minn dawn l-istituzzjonijiet kien hemm biex jgħinu lill-istudenti jgħelbu d-diffikultajiet u d-dubji relatati mal-karriera tal-futur tagħhom.

Illum iż-żgħażagħ jgħixu f’dinja li qed tinbidel kontinwament u f’din l-età, ta’ 15/16-il sena, meta jkunu fis-sena 11 fis-sistema edukattiva tagħhom, jibdew it-triq li ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kumplessi marbuta ma’ kwistjonijiet personali flimkien ma’ dawk relatati mal-għażliet futuri tagħhom fil-karriera. Filfatt f’din l-età jkun wasal iż-żmien – speċjalment fi tmiem l-iskola obbligatorja – meta dawn iż-żgħażagħ isibu ruħhom f’salib it-toroq, żmien li matulu jridu jagħżlu l-karriera li jkunu jixtiequ jsegwu.

Għalhekk il-Ministeru jieħu ħsieb itella’ din il-fiera biex jgħin u jiggwida lil dawn l-istudenti.

“Kollha kemm aħna għaddejna minn dan iż-żmien u għalhekk nafu li dan huwa perjodu kritiku, fis-sens li ta’ din l-età rridu nibdew nagħmlu l-għażliet tagħna. Din il-fiera għalhekk hija mitqlu deheb għaż-żgħażagħ tagħna biex minnha jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija li għandha l-għan li tigwidahom għall-futur tagħhom. Aħna għalhekk qegħdin. Biex lil din il-ġenerazzjoni u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ngħinhuhom ħalli l-vjaġġ edukattiv li qegħdin iterrqu, jkun wieħed mill-aktar vjaġġi eċitanti u pjaċevoli kemm jista’ jkun”, spjegalna l-Ministru Bonnici.

Tkellimna ma’ edukaturi li kienu qed jagħtu s-servizzi tagħhom waqt ‘I Choose’. Innotajna s-sodisfazzjon tagħhom li servew ta’ gwida għall-istudenti li attendew. Uħud qalulna li din it-tip ta’ fiera tagħmel ħafna ġid għaliex permezz ta’ informazzjoni u wkoll diskussjoni, kultant student jew studenta tiskopri opportunitajiet li jkunu aktar viċin tal-karriera li jkunu jixtiequ jsegwu u li forsi qabel il-fiera ma kienux konxji tagħhom. U dan huwa s-sabiħ ta’ laqgħat bħal dawn. 

Din il-fiera kienet pass ieħor lejn in-normalità. Kif qalilna l-Ministru Bonnici, “Jien responsabbli mis-settur edukattiv u wkoll missier ta’ tifla li tattendi l-iskola. Irrid l-aqwa għall-edukazzjoni tat-tfal kollha li jattendu fl-iskejjel. Fieri bħal dawn iqarrbuna lejn dak li qed naħdmu għalih f’dan is-settur. Iqarrbuna wkoll lejn in-normalità wara l-perjodu li lkoll għaddejna minnu. Nieħdu l-prekawzjonijiet kollha, niddiskutu mal-istakeholders, inħejju għax-xenarji kollha, imma nkomplu bin-normalità, inkomplu bit-tagħlim u nkomplu nagħtu s-servizzi edukattivi kollha mit-28 ta’ Settembru li ġej għall-ġid ta’ uliedna”.

Share With: