Id-djoċesi Maltija tirreġistra surplus ta’ €3.5 miljun… bil-Covid-19 mistenni telf ta’ bejn €6 u €8 miljuni

F’konferenza stampa mogħtija fil-Kurja tal-Arċisqof ħareġ li l-Kurja irreġistrat telf marġinali ta’ €31,000. Minkejja dan, l-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat surplus ta’ €3.5 miljun. Dan meta mqabbel ma’ żbilanc ta’ €137,000 fis-sena ta’ qabel.

Fil-konferenza stampa ingħataw id-dettalji u ġie spjegat ir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2019.

Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, spjega li t-telf marġinali tal-Kurja tal-Arċisqof wasal biss wara li s-surplus tqassam kollu f’sussidji lill-entitajiet tal-Knisja. Enfasizza li dan hu titjib meta mqabbel ma’ żbilanċ ta’ €1.36 miljun fis-sena ta’ qabel.

Dwar il-Covid-19 is-Sur Pace Ross spjega kif is-surplus tas-sena l-oħra ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-isfidi finanzjarji kbar li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 fuq l-operat tal-Knisja f’Malta, u għalhekk l-Arċidjoċesi kellha tirrikorri għall-flus imġemmgħin fil-passat.

Mistoqsi dwar estimi fuq żbilanċ finanzjarju s-sena d-dieħla fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Covid-19, is-Sur Pace Ross spjega li twettaq eżerċizzju finanzjarju li qed jindika li sa tmiem din is-sena jista’ jkun hemm telf ta’ bejn €6 miljun u €8 miljun.

Jirriżulta li d-dħul  finanzjarju tal-Kurja żdied b’€2.42 miljun mill-investimenti li kellha, filwaqt li l-infiq żdied b’€1.17 miljun. Matul l-2019 il-Kurja wettqet ukoll diversi xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fil-bini tal-Kurja inkluż restawr tal-faċċata tal-istess binja. L-ispiża fuq xogħlijiet u restawr telgħet għal €684,000.

Fejn tidħol l-Arċidjocesi ta’ Malta hu spjega kif is-surplus huwa dovut l-aktar għal dħul ta’ darba ta’ €2.4 miljun f’ishma li rċevew b’donazzjoni d-Dar tal-Providenza u Caritas Malta.

Fl-2019 l-Arċidjoċesi rreġistrat ukoll żieda ta’ €4.8 miljun fl-infiq. 60% tal-infiq mar għall-pagi tal-kleru u l-lajċi filwaqt li 20% kienu spejjeż tal-operat. Kien hemm ukoll żieda ta’ 47% fl-infiq ta’ manutenzjoni, restawr u konservazzjoni filwaqt li tħallsu kważi €1.4 miljun f’taxxa.

Share With: