Iker Casillas jirtira mill-football

L-ex goalkeeper internazzjonali Spanjol u ta’ Real Madrid Iker Casillas ħabbar li rtira mill-football professjonali wara aktar minn 1,000 partita.

Casillas, li llum il-ġurnata għandu 39 sena, kiser diversi rekords matul il-karriera sportiva tiegħu speċjalment meta ma qalax goals għal diversi partiti konsekuttivi tal-UEFA Champions League. Hu qatta’ ħafna mill-karriera tiegħu ma’ Real Madrid għalkemm l-aħħar ħames snin mar fil-Portugall biex serva l-club ta’ FC Porto.

Casillas rebaħ ukoll diversi unuri fosthom it-Tazza tad-Dinja, darbtejn il-Kampjonat Ewropew, ħames darbiet il-kampjonat Spanjol u tliet darbiet il-UEFA Champions League. Huwa rebaħ ukoll is-Super Cup Spanjola għal erba’ darbiet filwaqt li kellu suċċessi oħra fil-UEFA Super Cup u l-FIFA World Club Cup. 

Ma’ Porto  wkoll kellu sodisfazzjon jirbaħ il-kampjonat fl-2018. Minkejja kollo, wara problemi li kellu f’qalbu bil-mod il-mod beda jnaqqas mid-dehriet tiegħu.

Bosta huma tal-fehma li Casillas se jibqa’ mfakkar bħala goalkeeper leġġendarju li għen mhux ftit biex Spanja kompliet tkabbar il-profil tagħha fil-qasam internazzjonali .

Share With: