Il-Covid “tatna opportunità kbira għall-bidla”

F’diskors waqt laqgħa tal-Kamra tal-Kummerċ, il-President George Vella jwissi biex ir-razziżmu u d-diskrepanza soċjo-ekonomika ma tikbirx bħala kawża tal-pandemija

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ, il-President tar-Repubblika George Vella saħaq li l-pandemija, u l-effetti li l-Covid-19 ħalliet mill-ambitu soċjo-ekonomiku, “offriet lil kulħadd opportunità għall-bidla. Irridu nippreparaw lilna nfusna għall-futur, nitgħallmu mil-lezzjonijiet li kellna s’issa, nagħmlu monitoraġġ tas-sitwazzjoni li hemm quddiemna, u nimxu ’l quddiem id f’id.”

“Ħadd m’għandu jitħalla lura: Illum huwa ż-żmien korrett, iktar minn qatt qabel, biex dan il-ħsieb kreattiv u innovattiv li għandna mis-setturi differenti, nisfruttawh kemm nistgħu. Ir-riżultat finali ta’ dak li qegħdin ngħaddu minnu llum, ser ikunu differenti minn dawk li ħsibna fuqhom matul iż-żminijiet.”

Il-President tar-Repubblika saħaq li l-pandemija tal-Covid-19 seta’ jwassal għal tkabbir fid-diskrepanzi eżistenti li diġà hemm fis-soċjetà tagħna, fosthom fl-inugwaljanza ekonomika, “li kapaċi tikber bħala kawża tal-pandemija. Ma ninsewx ukoll li hemm diskrepanzi kbar bejn il-ġeneri, ostaklu ieħor li s-soċjetà tagħna għandha teżamina u terbaħ.”

Huwa nnota wkoll kif, b’effett dirett tal-pandemija, kien hemm żieda notevoli fil-kliem ta’ mibegħda, u s-sentimenti razzjali li kienu qegħdin jiddominaw id-diskors pubbliku. “Dawn l-attitudnijiet mhux se jsolvu l-problema tal-immigrazzjoni, jew l-ostakli anċillarji li hemm marbutin ma’ dan il-fenomenu. 

Huwa biss flimkien, billi niddiskutu u noħolqu ideat innovattivi, li aħna kapaċi negħlbu dawn l-ostakli.”

Share With: