Il-GWU f’laqgħa “kordjali u sodisfaċenti” mal-Air Malta

Wara s-sospensjoni tal-azzjoni industrijali, is-Segretarju Ġenerali jisħaq: “Ħa nkomplu bil-laqgħat biex jiġu megħluba l-ostakli”

F’kummenti ma’ inewsmalta, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri ddeskrivew l-ewwel laqgħa li huma kellhom mal-Air Malta Aviation Services wara s-sospensjoni tal-azzjoni industrijali tagħhom bħala waħda “kordjali u sodisfaċenti.”

“Kienet laqgħa fejn aħna bħala l-General Workers’ Union ressaqna l-ilment tagħna rigward diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema fl-Air Malta Aviation Services Limited. Matul il-ġimgħa d-dieħla, se jibdew serje ta’ laqgħat kontinwi bejn il-manigment u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-GWU, biex dawn l-anomaliji u d-diffikultajiet li hemm preżentament, jiġu sorvolati.”

Bugeja u Camilleri saħqu li dak li qiegħda titlob il-GWU, qiegħed jieħu konjizzjoni tal-effetti tal-pandemija Covid-19 fuq l-ekonomija sħiħa, u l-effett ekonomiku li din kellha fuq l-operat tal-linja nazzjonali. 

“Madanakollu, nemmen li hemm bażi soda fuq xiex nistgħu nibnu u nsostnu l-laqgħat u d-diskussjonijiet tal-jiem li ġejjin, u ninsabu ottimisti.”

Fid-dawl ta’ dan, l-azzjoni industrijali li ssejħet aktar kmieni din il-ġimgħa mill-GWU sejra tibqa’ sospiża għaż-żmien li ġej.

Dan is-sit ilbieraħ irrapporta kif, wara intervent tal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, l-Onor Silvio Schembri, l-GWU ssospendiet l-azzjoni industrijali li kienet imsejħa fil-linja tal-ajru nazzjonali, wara nuqqas ta’ qbil li seħħ fuq ir-roster għall-ħaddiema fl-AAS. Filwaqt li l-iżblokk għandu ma nstabx kompletament, sorsi qrib il-linja tal-ajru nazzjonali appoġġjaw il-kummenti tal-GWU, u tennew li jinsabu ottimisti favur il-possibilità ta’ ftehim u kompromess.

Kien nhar il-Ġimgħa li għaddiet li, wara laqgħa bejn il-GWU u l-maniġment tar-riżorsi tal-linja nazzjonali, l-Union tat ċans lil-linja nazzjonali biex tagħti risposta għat-talbiet tagħha rigward id-diffikultajiet u l-anomaliji tal-iskeda tal-ħaddiema.

Wara li l-kumpanija naqset li tiġi b’risposti konkreti, minflok ġiet b’talba għal-laqgħa. Il-GWU ħarġet avviż ta’ tilwima industrijali. Il-laqgħa rikjesta mill-kumpanija xorta saret b’tentattiv li jinstabu soluzzjonijiet, biss qbil ma kienx hemm tant li l-maniġment tal-AAS ma riedx jiltaqa’ biex jiddiskuti r-roster. U kien hawnhekk li l-GWU ddeċidiet li ssejjaħ għal azzjoni industrijali fi ħdan il-linja nazzjonali, biex tħares l-interessi tal-membri tagħha fl-AAS.

Share With: