Il-GWU tittama li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jimplimentaw aktar miżuri biex il-ħaddiema jkunu protetti fuq il-post tax-xogħol

Is-sezzjoni tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU, f’isem l-infermiera tal-Emerġenza, tikkumplimenta lill-organizzaturi u entitajiet privati li kkanċellaw kompletament l-avvenimenti tagħhom minn jeddhom wara żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 li ġew reġistrati f’dawn l-aħħar jiem. It-Taqsima tilqa wkoll il-ftehim milħuq fl-MCESD bejn is-sħab soċjali u l-Gvern biex jiġi aktar ikkontrollat dan il-virus.

Għalkemm ir-restrizzjonijiet fuq avvenimenti tal-massa implimentati mill-gvern inaqqsu r-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID, ma jneħħuhx kompletament. Dan ir-riskju jimmultiplika f’avvenimenti u stabbilimenti li joffru alkoħol u jnizzlu l-effiċjenza tar-restrizzjonijiet għal livell negliġibbli. Għaldaqstant huwa ferm meħtieg is-sorveljanza u infurzar tal-miżuri dwar id-distanza soċjali u l-użu tal-maskri.  

Fi stqarrija maħruġa mill-istess sezzjoni ntqal li fl-eventwalita’ li dawn l-infermiera jiġu infettati waqt li jkunu qegħdin jassistu f’dawn l-avvenimenti, jiġi kompromess l-unika dipartiment tal-Emerġenza f’Malta flimkien mas-saħħa tal-pazjenti li jiġu kkurati fih. Għaldaqstant, il-GWU tittama li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom u jimplimentaw aktar miżuri biex il-ħaddiema jkunu protetti fuq il-post tax-xogħol, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jgħinu lil pazjenti tagħhom.

Wara l-aħħar żvillupi u żieda fil-każijiet tal-COVID 19, Il-GWU flimkien mal-membri tagħha jħeġġu biex kulħadd jilbes il-maskri f’postijiet pubbliċi kif ħeġġet is-Supretendent tas-Saħħa ħalli b’hekk jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-virus.  Kulħadd għandu jkun responsabbli u jikkopera ħalli ma jiżdidux każijiet għalxejn, u l-ħidma ta’dawn l-infermiera tkun tista tibqa’ għaddejja.

Fil-granet li gejjin, is-Segretarju tat-taqsima, is-Sinjura Riccarda Darmanin ser tkun qed tidħol f’diskussjonijiet mal-management ta’ MDH fuq s-sitwazjoni prezenti ta’ dawn l’infermiera ġewwa l-Emerġenza ta’ Malta biex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-membri taghha.

Share With: