Il-KNA mħassba dwar kif il-COVID-19 “qed tgħolli rasha”

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani nnota b’dispjaċir u tħassib serju x-xejra negattiva u allarmanti kif il-pandemija COVID-19 reġgħet għolliet rasha f’pajjiżna b’numri ta’ każijiet ġodda li qed jiżdiedu kuljum,

Kompliet tgħid li “dan l-iżvilupp negattiv, riżultat ta’ attivitajiet soċjali u rikrejattivi tal-massa bla rażan, xejn ma għen biex ir-riżultati sodisfaċenti miksuba  fil-bidu tas-sajf mill-operaturi tas-saħħa f’pajjiżna – tobba, nurses, carers, midwives u paramediċi oħra jkunu konsolidati.”  

Il-KNA qalet li hi mhux se tinħela tipponta subgħajha lejn min kien responsabbli għal “dan l-impatt serju, imma trid tingħaqad man-numru kbir ta’ għaqdiet, unions u s-soċjetà ċivili biex tappella lill-awtoritajiet  jipprevedu u jirreżistu milli japprovaw permessi li minnhom infushom iferrxu u jkabbru s-sogru ta’ infezzjoni.”  

“L-anzjani Maltin diġà għaddew minn tbatija kbira għal xhur sħaħ, anki ma jarawx lill-familjari tagħhom biex jobdu l-ordnijiet leġittimi tal-awtoritajiet.” 

Għaldaqstant, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, għamilha ċara li waqt li jkompli jħeġġeġ lill-anzjani Maltin u Għawdxin biex ikomplu jsegwu u jobdu bħal qabel l-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa, jistenna li min qed imexxi l-pajjiż jara li s-saħħa tal-poplu għandha tiġi qabel fuq il-ħtiġijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż. 

“Ma jistgħux jiġu ripetuti żbalji li setgħu ġew evitati u li jġibu danni koroh għal tul ta’ żmien,” ikkonkludiet il-KNA.

Share With: