Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA japprova l-protokoll mediku relatat mal-Covid-19

Il-kumitat eżekuttiv tal-Malta Football Association approva l-protokoll mediku aġġornat relatat mal-Covid-19. Dan il-protokoll fih direzzjoni dwar il-passi li għandhom jittieħdu fejn għandu x’jaqsam saħħa u l-mod ta’ kif se joperaw il-BOV  Premier League u l-BOV Challenge League għal dan l-istaġun (2020/21).

Ġie deċiż li l-bidu tal-Kampjonat Premier jittardja b’ġimgħa biex se jingħata bidu fid-19 ta’ Settembru li ġej. Mill-banda l-oħra, il-BOV Challenge League se jibda ġimgħa tard ukoll, jiġifieri, fil-25 ta’ Settembru li ġej.

Il-protokoll aġġornat ġie mibni fuq dokument inizjali li ġie sottomess lill-Awtoritajiet  tas-Saħħa lokali, f’Marzu li għadda. F’dawn l-aħħar xhur ġie aġġornat permezz ta’ pariri mediċi, prattiċi li qed jintużaw minn diversi pajjiżi kif ukoll skond il-protokoll UEFA “Return to Play” li qed jiġi implimentat kemm għall-kompetizzjonijiet Ewropej għall-clubs kif ukoll għall-impenji tat-team nazzjonali .

Fil-laqgħa li saret l-Erbgħa filgħaxija, il-membri tal-kumitat eżekuttiv iddiskutew dan il-protokoll u l-iżviluppi rigward il-Covid-19. F’dan ir-rigward, l-MFA se tkompli għaddejja biex tadatta għall-isfidi li ġabet magħha din il-pandemija billi ssib bilanċ bejn il-prioritajiet tal-awtoritajiet tas-saħħa u l-interess tal-football lokali.

Dan il-protokoll li ġie ppreżentat lill-Awtoritajiet tas-Saħħa  wara diskussjonijiet mas-superintendent tas-saħħa pubblika, Profs. Charmaine Gauci, ikopri diversi aspetti bħal prevenzjoni permezz ta’ testijiet regolari ġewwa jew barra l-kompetizzjoni, miżuri mediċi u sanitarji u materji oħra regolatorji.

Il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, reġa’ saħaq biex l-awtoritajiet jirrikonoxxu l-bżonnijiet speċifiċi tal-isport biex jitnaqqas ir-riskju li xi attivitá sportiva tiġi affettwata ħażin.

Hekk kif is-sitwazzjoni tal-COVID-19 baqgħet waħda partikolari, is-Sur Vassallo qal li l-assoċjazzjoni tinsab kommessa li dejjem ikollha approċċ pro-attiv billi tevalwa kull xenarju possibbli u toħloq pjani skond il-bżonn. Skond il-protokoll tal-MFA, il-clubs ġew mħeġġa biex jaħtru “Covid Liaison Officer” li xogħlu hu li jipprovdi aġġornament regolari idealment darbtejn fil-ġimgħa fuq is-sitwazzjoni ta’ saħħa fl-iskwadra rispettiva tiegħu.

Id-direttur mediku fi ħdan l-MFA, Kirill Micallef Stafrace, spjega l-punti prinċipali ta’ dan il-protokoll li jinkludu ttestjar ta’ kampjun ta’ players u staff fuq bażi regolari. Fl-istess waqt meta jkun hemm xi każ li jinstab pożittiv, l-individwu jiżola lilu nnifsu u l-persuni li kienu f’kuntatt miegħu joqogħdu fi kwarantina għal sebat ijiem. 

Dr Micallef Stafrace kompla jgħid li fejn għandu x’jaqsam iġjene ġenerali għandu jkun hemm żoni apposti fl-istadium, jitnaqqas l-użu tad-dressing rooms, il-logħob jintlagħab bil-bibien magħluqa, tinżamm id-distanza soċjali u jkun hemm l-użu tal-maskri l-ħin kollu b’eċċezzjoni ta’ dawk il-players li qegħdin jilagħbu. Finalment irid ikun hemm ħin regolat għall-partiti.

Fejn għandu x’jaqsam il-football tal-amateurs, dak femminili u tal-grassroots, l-MFA tinsab fil-proċess biex tipprepara protokoll differenti li huwa bbażat fuq il-bżonnijiet u r-realtaijiet ta’ dawn il-kategoriji. Il-BOV National Amateur League huwa skedat li jibda f’Ottubru.

Finalment, il-Kumitat Eżekuttiv iddiskuta l-ittri li ġew mibgħuta minn Birkirkara FC u Balzan FC mill-Kampjonat Premier kif ukoll Vittoriosa Stars u Pietá Hotspurs mill-BOV Challenge League li talbu li l-bidu tal-kampjonat rispettivi jersaq b’ġimgħa biex ikunu jistgħu jkomplu l-preparazzjoni tagħhom wara li kellhom xi każijiet ta’ Covid-19 li sfrattawlhom ftit il-pre-season tagħhom.

B’hekk il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda li jċaqlaq xi dati tal-bidu ta’ dawn iż-żewġ kampjonati biex il-kampjonat Premier se jibda fid-19 ta’ Settembru biex jagħti ċans lil dawn il-clubs ilestu l-preparazzjoni tagħhom.

Sadanittant il-Malta Football Association investiet fl-installazzjoni ta’ remote video cameras fl-Istadium Nazzjonali, ic-Centenary Stadium, il-Hibernians Stadium u l-Victor Tedesco Stadium biex isir livestream tal-logħbiet kompetittivi. Fl-istess waqt se jkun hemm it-trasmissjoni diretta ta’ dawn il-logħbiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi TSN u TVM 2.

.

Share With: