“Il-kwalità tal-ħajja għandha tingħata prijorità fuq l-ambizzjonijiet tal-iżviluppaturi” – Moviment Graffitti

Moviment Graffitti jilqa’ l-emendi fid-dokument tat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni f’rabta mad-Development Brief tal-eks-Jerma Palace Hotel, b’mod partikolari t-tnaqqis fil-volum li jista’ jiġi żviluppat, mill-figura esaġerata ta’ 100,000 metru kwadru li kienet ġiet stipulata fil-konsultazzjoni ta’ Ottubru 2019, għal 65,000 metru kwadru. Madanakollu, jinnota b’diżappunt li l-proposta għall-iżvilupp xorta għadha sproporzjonata għad-daqs u l-infrastruttura tal-lokalità, u ma tagħtix prijorità lill-benesseri tar-residenti ta’ Wied il-Għajn.

Fi stqarrija, l-Moviment Graffiti qalu li, “ħna naqblu li l-bini li jinsab fi stat ta’ abbandun, u li mhux biss ikerrah l-ambjent tal-madwar iżda huwa wkoll ta’ periklu għal kull min jipprova jaċċessa l-kosta, għandu jiġi mwaqqa’. Komplew jgħid li “jibqa’ evidenti l-fatt li dan id-Development Brief ġie mfassal bl-intenzjoni primarja li jakkomoda l-interessi ta’ xi ftit żviluppaturi, mingħajr ma jikkunsidra l-benesseri tar-residenti.”

Il-Moviment Graffiti qalu li huma, “ninnutaw ukoll li dan id-Development Brief imur kontra l-Pjan Lokali billi jinkludi żewġ żoni addizzjonali li mhumiex inklużi fiż-żona ddemarkata mill-Pjan Lokali. Barra s-sit tal-eks-Jerma Palace Hotel, iż-żona tad-Development Brief propost tinkludi wkoll żona ekoloġika li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u fejn mhija permessa ebda żieda fl-għoli jew fil-volum, kif ukoll sit ta’ wirt storiku li għalih diġà teżisti politika applikabbli. Dawn l-irregolaritajiet inevitabbilment jitfgħu dell ikrah fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni.”

Moviment Graffitti jibqa’ jisħaq li dan id-Development Brief għandu jagħti prijorità lill-benesseri tar-residenti u jħalli impatt pożittiv fuq l-aspett soċjali, storiku u ambjentali ta’ Wied il-Għajn, mhux jipprova jakkomoda l-interessi tal-iżviluppaturi. Kwalunkwe żvilupp fuq dan is-sit għandu jintuża b’mod esklussiv għal għanijiet turistiċi u m’għandux ikun ikbar mill-volum, l-għoli u l-ispazju tal-art okkupat mill-eks-Jerma Palace Hotel.

Share With: