Il-kwoti – “Mingħajr il-kwoti, se jkun diffiċli li l-għan jintlaħaq” – Alfred Sant

Fejn wasalna fil-kunċett tal-kwoti li jassiguraw l-għan li aktar u aktar nisa jilħqu f’pożizzjoni ta’ tmexxija jew deċiżjoni?

Jien minn dejjem qbilt li mingħajr il-kwoti, se jkun diffiċli li l-għan jintlaħaq. Fl-Ewropa llum, hemm fehma maġġoritarja sew favur l-idea, għalkemm it-twettiq tagħha mhux qed ikun faċli. Fost dawk li jitbandlu bejn li jkunu favur, kontra jew bierda, hemm il-partiti leminin Ġermaniżi, s-CDU u s-CSU. It-tbandil tagħhom sfortunatament jaffettwa appoġġi politiċi oħra importanti ewlenin fis-sistema Ewropea.

F’Malta saru proposti serji u validi. Jeħtiġilhom ftit illimar biex jitħaddmu b’mod effettiv. Se jqumu reżistenzi anke fost nisa li jargumentaw kif il-kwoti jagħtuk x’tifhem li n-nisa mhumiex kapaċi jaslu waħidhom. Dan l-argument jinjora kompletament il-punt li jeżistu fatturi ekonomiċi u soċjali ta’ xkiel għall-avvanz tan-nisa. Imma meta jagħmluh l-istess nisa, jispiċċa arma qawwija f’idejn irġiel li jabborru l-kunċett tal-kwoti.

IŻRAEL U L-EMIRATI

Il-ftehim bejn Iżrael u l-Emirati Għarab kien kolp qawwi għall-Prim Ministru Netanjaħu, li fl-aħħar żmien, ra l-prestiġju politiku tiegħu imajna sew. Hu ftehim li jibdel bil-kbir il-mappa ġeostrateġika tal-Lvant Nofshani.

Idgħajjef lill-Palestinjani li sal-lum, kellhom rashom mistrieħa li l-ebda pajjiż Għarbi ieħor ma kien se jirrikonoxxi lil Iżrael qabel ma’ dan iwettaq fil-prattika s-soluzzjoni ta’ “żewġ stati”. L-Emirati jgħidu li l-ftehim milħuq jaġevola l-kawża Palestinjana għax wassal biex Netanjaħu jipposponi d-deċiżjoni li jassorbi parti mill-artijiet li l-Iżrael ilu jokkupa mis-sena 1967. 

Veru li l-Prim Ministru Iżraeljan qala’ attakki ħorox minn fost dawk li stennewh iwettaq il-wegħda tiegħu ta’ annessjoni tat-territorji okkupati. Imma posponiment ma jagħti l-ebda garanzija li l-annessjoni mhijiex se ssir.

Il-vera paċi fil-Lvant Nofshani mhijiex se tinkiseb b’“soluzzjonijiet” li jħallu lill-Palestinjani bil-fehma li ġew ittraduti.

NIBQA’ NISKANTA

L-aċċess ta’ qdusija fost ċerti nies li sa ftit tas-snin ilu kienu donnhom xejn mhu xejn għalihom, l-aqwa li hemm gvern nazzjonalista jmexxi, ma jieqafx iħallini skantat.

Nies li nafhom iħarsu n-naħa l-oħra meta jitqanqal xi każ gwapp ta’ imġiba politika jew soċjali mhux aċċettabli (ħa nuża din l-espressjoni diplomatika), illum tarahom fost l-appostli tar-reqqa.

Nies li kif naf tajjeb, raw kif jabbużaw bl-akbar makakkerija biex jaġevolaw lilhom infushom u lil qrabathom, illum iħeġġu l-kruċjati ħalli jinqabdu u jiġu kkastigati dawk li skont huma, fl-aħħar snin abbużaw.

Dażgur li naqbel li kull fejn saru l-ħniżrijiet, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji bla distinzjoni ta’ xejn. Imma niddardar nara li dawk li fl-imgħoddi kienu l-perċimes ta’ dan, jitperrċu llum bħala l-kavalieri tas-sewwa.

Share With: