Il-LESA akkużata bi ksur ta’ GDPR kontra eks-warden

Ippubblikati ritratti tal-eks-ħaddiema mingħajr ebda awtorizazzjoni; l-Aġenzija tisħaq li ma kien hemm l-ebda ksur tar-regolamenti

Każ interessanti li qiegħed jiżvolġi l-Qorti fil-preżent huwa dak relatat ma-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA), liema aġenzija qegħda tiġi akkużata bi ksur tad-drittijiet tad-data personali minn persuna li kienet taħdem bħala warden, wara li ġew ippubblikat ritratti tagħha bl-uniformi tax-xogħol mingħajr il-kunsens tagħha.

Il-persuna involuta, Mariella Cutajar, kienet taħdem bħala Superintendent fi ħdan il-Guard and Warden House Limited, l-istess aġenzija li sussegwentament kienet assorbita fl-2016 u saret parti mill-LESA tal-lum. Hija qegħda tisħaq li kienet rreżenjat mill-kariga tagħha, wara li l-Aġenzija l-ġdida kienet offritilha pożizzjoni “ferm inferjuri minn dik li kellha qabel”, u kienet għalhekk li telqet mill-impjieg “u li ma riedet ikollha x’taqsam xejn mal-Aġenzija kif inhija llum.” 

Xhur wara li telqet mill-kariga, għall-ħabta ta’ Diċembru tal-2017, l-eks-warden indunat li l-LESA kienu qegħdin jippubblikaw fuljetti, li kienu qegħdin jixxerdu ma’ bosta skejjel u postijiet pubbliċi f’Malta u Għawdex, li kien qiegħed juża fost l-oħrajn ritratti tagħha bl-uniformi li kienet tilbes fl-impjieg preċedenti tagħha. Uħud minn dawn ir-ritratti ġew użati wkoll minn mezzi tax-xandir differenti, huma u jirraportaw fuq stqarrijet pubbliċi tal-istess Aġenzija.

Cutajar saħqet li dawn ir-ritratti ġew użati u ppubblikati mill-istess aġenzija, “minkejja n-nuqqas ta’ approvazzjoni jew kunsens tar-rikorrenti… f’postijiet aċċessibbli mill-pubbliku in ġenerali, u kwindi lill-eluf ta’ telespettaturi, studenti ġewwa diversi skejjel Maltin, u lill-pubbliku in ġenerali.” Kien għalhekk li, wara li bagħtet ittra uffiċċjali lill-Aġenzija biex tieqaf milli tippubblika dawn ir-ritratti, hija fetħet kawża kontra l-Qorti għad-danni relatati mal-ksur tal-informazzjoni personali tal-persuna mingħajr il-kunsens tagħha.

Analiżi minn ġurnal lokali wera kif, f’każijiet simili fejn kien irreġistrat ksur tal-protezzjoni tad-data personali, il-multi li ngħataw mill-Awtoritajiet kienu ivarjaw bejn €24 sa’ €2000, bl-ikbar multa (dik ta’ €5000) kienet imposta fuq l-Awtorita tal-Artijiet wara r-rilaxx tal-informazzjoni privata ta’ iktar minn 5000 persuna li użaw s-servizzi tagħha.

Fir-risposta tagħha, il-LESA saħqet li l-materjal imsemmi “ma kienx ippubblikat mill-Aġenzija”, u li ma ntużax “jew ġie pproċessat l-ebda data personali tar-rikorrenti kif minnha allegat, u li r-regolamenti in kwistjoni ma japplikawx għaċ-ċirkostanzi allegati mill-istess rikorrenti.”

Il-Maġistrat Miriam Hayman qegħda tisma dan il-każ, li mistenni jitkompla f’Ottubru li ġej.

Share With: