Il-Maġistrat Joseph Mifsud: “Fl-għoti tal-bail hemm bżonn li jitħarsu l-interessi tas-soċjetà”

Il-Maġistrat Joseph Mifsud enfasizza fuq il-bżonn li meta tkun diskussa l-għoti tal-bail jittieħed qies ta’ dak li tkun għaddejja minnu l-familja tal-imputati li ħafna drabi tkun issofri fis-skiet ta’ djarhom, imbeżża’, mhedda u misruqa minn uliedhom stess.

“Hemm bżonn li minbarra l-interessi tal-imputat jitħarsu l-interessi tas-soċjetà wkoll li ħafna drabi jkunu huma li jinsterqu, jissawtu u jkunu mhedda fi djarhom, fit-toroq u fil-ħwienet,” qal il-Maġistrat Mifsud f’digriet li ta t-Tnejn li għadda fejn ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Herman Sant li jinsab akkużat b’diversi akkużi fosthom dwar sejbien ta’ droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu.

Fid-digriet tiegħu, il-Maġistrat Mifsud, li kien qed jippresjedi l-Qorti ta’ Maġistrati f’Għawdex, qal li l-Qorti trid tibbilanċja bejn l-interessi tal-imputat li jkun jinsab taħt arrest fejn il-libertà tiegħu tkun qiegħda tiġi meħuda, mal-interessi tar-Repubblika li trid tara li l-ġustizzja ssir mingħajr xkiel f’dan l-istadju.

Huwa nnota kif fil-Konvenzjoni Ewropea, il-Kostituzzjoni u d-Direttivi m’hemmx biss drittijiet għall-imputati imma hemm ukoll drittijiet għal dawk iċ-ċittadini li jsegwu l-liġi u l-vittmi tal-kriminalità. Kompla jgħid li: “l-Qorti wisq tibża’ li fl-aħħar snin enfasizzajna wisq fuq id-drittijiet tal-imputati kif għandu jkun, iżda ma tajniex widen biżżejjed għal dawk kollha li jgħixu fis-soċjetà tagħna li għandhom bżonn il-protezzjoni tal-Qrati wkoll.”

“Hemm bżonn urġenti li meta jkunu diskussi għotjiet ta’ ħelsien mill-arrest barra Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea li jkun ikkwotat ħafna, hemm bżonn ukoll inħarsu iktar lejn Artikolu 2, il-Protezzjoni tal-Ħajja u l-obbligu tal-Istat li jħares il-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu f’dawn il-gżejjer.”

“Huwa fl-interess tal-ġid komuni li l-Qrati ma jinġarrux mal-kurrent imma jkunu huma li jagħtu direzzjoni f’soċjetà li tilfet ħafna mill-valuri umani sodi li tellawna tant tajjeb fihom il-ġenituri, l-għalliema u l-mexxejja ta’ għaqdiet reliġjuzi u oħrajn ċivili tul is-snin,” tenna l-Maġistrat Mifsud.

Il-Qorti, waqt li qieset li l-imputat huwa preżunt innoċenti sakemm ikun iddikjarat mod ieħor, qieset ukoll l-akkużi serji li huwa jinsab bihom fosthom dawk relatati ma’ droga u ksur ta’ kundizzzjonjiet għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll l l-fedina penali tiegħu mhix waħda netta. Kien għalhekk li ċaħditlu t-talba.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Justine Grech. L-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għal Sant. 

Share With: