Il-‘Malta Agreement’ mhux jaħdem … inizjattiva biex jingħata nifs ġdid

Minn Victor Vella

Is-sitwazzjoni marbuta mal-immigrazzjoni fin-nofsinhar tal-Mediterran qed kull ma jmur tiggrava u dan hekk kif fl-Italja qed jinħareġ allarm dwar ċentri  miftuħin tal-immigranti li huma iffullati. Dan is-sit hu infurmat li fl-aħħar jiem saru laqgħat bejn ministri Ewopej u li fihom ġiet diskussa s-sitwazzjoni marbuta mal-immigrazzjoni u ż-żieda li kien hemm fl-aħħar ġimgħat. Inewsmalta tinsab infurmata li f’dawn il-laqgħat issemma l-fatt li l-‘Malta Agreement’ li kien ftehim li seħħ f’pajjiżna fis-sena 2019 mhux jaħdem. Dan kien jirrigwarda it-tqassim ta’ immigranti li jidħlu fl-istati tan-nofsinhar. Kollox qed jindika li issa qed tiġi ppreparata inizjattiva ġdida biex dak li kien issejjaħ il-‘Malta Agreement’, jingħata ħajja mill-ġdid.

Dan is-sit hu infurmat li din l-inizjattiva ġdida għandha twassal biex issir l-implimentazzjoni ta’ dak il-ftehim. Kollox jindika li f’Ottubru se jsir Summit għall-Ministri tal-Intern tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fejn f’dak is-summit jidher li se jkun hemm imbutattura biex ikun hemm pożizzjoni komuni fuq patt ġdid tal-migrazzjoni.  Jidher li dan il-patt ġdid għall-immigrazzjoni se jkunu imniedi mill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru. Jidher li l-aktar li qed timbotta għal dan il-patt hi Franza u l-Italja, fejn fil-jiem li ġejjin mistennijin diskussjonijiet ma’ Spanja u l-Ġermanja bl-għan li huma jagħtu l-appoġġ tagħhom ukoll.

Jidher li fejn jidħol il-‘Malta Agreement’, hemm ħidma biex dan inkorporat fil-liġijiet Ewropej u li għalhekk ikun estiż għal pajjiżi kollha.  Il-‘Malta Agreement’ li kien jitkellem dwar distribuzzjoni volontarja ta’ immigrazzjoni ftit qajjem interess, u kienu biss l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Portugal li ħadu inizjattiva biex jieħdu xi immigranti. Dan il-mekkaniżmu imbagħad kien ġie sospiż minħabba l-coronavirus.

Ta’ min jgħid li dan il-ftehim kien intlaħaq wara li Ministri għall-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u l-Ġermanja iltaqgħu f’Malta. Hu kien waslu għall-qbil fuq l-iżbark ta’ persuni salvati mill-għarqa waqt summit  li kien sar fil-Forti ta’ Sant’Anġlu.

Il-laqgħa kienet immexxiha mill-Finlandja li kellha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew. Dak inhar ma kinux inħarġu dettalji dwar il-mekkaniżmu li bih se jiġu rilokati l-immigranti.

Fl-Italja daħlu 13,000 immigrant din is-sena

Jidher li dawn id-diskussjonijiet inbdew wara li għadd ta’ sindki madwar l-Italja tkellmu u esprimew it-tħassib tagħhom dwar ċentri tal-immigranti li huma ffullati ħafna.  Huma esprimew it-tħassib tagħhom li anke r-residenti qed jesprimu r-rabja tagħha, waqt li fl-istess ħin f’għadd ta’ Stati Mediterranji oħra qed ikun hemm ukoll żieda fl-ammont ta’ immigranti li jaslu.

Is-sindki lmentaw minn kundizzjonijiet inaċċettabbli fl-istess ċentri ta’ immigranti fosthom sħanat qawwija u dan b’mod partikolari f’ċentri li huma żgħar u ffullati. Hu kienu qed jitolbu li ma jpoġġux aktar immigranti fl-istess ċentri.

Hu kkalkulat li din is-sena fl-Italja daħlu madwr 13,000 immigrant li jkunu qed jaqsmu l-baħar Mediterran. Dan hu madwar 9,000 aktar minn kemm kienu daħlu s-sena li għaddiet fl-istess perjodu.

Hu kkalkulat li f’Lampedusa biss daħlu xejn inqas minn 5,000 persuna u jidher li din qed twassal għal tensjoni fuq il-gżira. Filfatt dwar dan tkellem fl-aħħar jiem Felix Weiss, li għadu kif irritorna fil-Ġermanja wara diversi ġimgħat iwettaq il-missjoni bl-ajru għal Sea Watch. 

Hu ddikjara li “s-sitwazzjoni f’Lampedusa hi waħda ta’ tensjoni għall-aħħar. Fl-aħħar ġimgħat f’din il-gżira daħlu aktar minn 5,500 immigrant.  Dan ifisser bejn 2 u tliet dgħajjes kuljum.”

Hu spjega li ma ġewx irreġistrati attakki kontra l-immigranti imma spjega li riċentament żewġ postijiet fejn kienu jinżammu id-dgħajjes tal-immigranti, ħadu in-nar.  Weiss spjega ukoll li innota li kien qed ikun hemm bidla fl-atteġġjament tar-residenti ta’ Lampedusa lejn l-immigranti u dan meta l-istess residenti kienu jilqgħu lill-istess immigranti.

Hu jgħid li l-imxija tal-coronavirus żiedet bil-kbir il-pressjoni ekonomika fuq il-popolazzjoni ta’ Lampedusa. It-turiżmu li hu importanti ħafna għal din il-gżira ikkrolla.  Spjega li talbiet biex ikunu mgħejjuni ma waslu mkien.

Intant fi Sqallija qamet ukoll kwistjoni u dan hekk il-gvern ried jibqgħat bastiment bħala kwarantina għall-immigranti. Il-bastiment kien se jintbagħat fil-Port ta’ Empedocle. Is-sindku tal-post imma irrifjuta għax beda jibża’ li dan jista’ jkun ta’ riskju għal industrija turistika.

Fi Spanja f’Lulju biss l-immigranti żdiedu b’2,000

Jekk nieħdu Spanja naraw li f’Lulju biss l-immigranti żdiedu b’2,000 persuna meta mqabbel ma’ Lulju tas-sena li għaddiet. Pereżempju f’Murcia u Almeria fl-aħħar jiem waslu 700 immigrant, ħafna minnhom mill-Alġerija. Mill-banda l-oħra fil-Greċja għandhom sitwazzjoni tensa għall-aħħar biċ-ċentri ukoll iffullati.

Share With: