Il-Prim Ministru Ingliż mitlub biex jekk hemm bżonn jingħalqu l-pubs ħalli l-iskejjel jibqgħu miftuħin

Il-Kummissarju tat-Tfal Ingliża wissiet li jekk ikun it-tieni mewġa ta’ każi ta’ Coronavirus, il-klassijiet tal-iskola għandhom ikunu l-aħħar post li jingħalaq wara li jittieħdu l-passi kollha possibbli. 

Anne Longfield qalet li jekk trid issir għażla f’żona lokali, dwar jekk il-pubs jew inkella l-iskejjel għandhomx jibqgħu miftuħin, allura f’dak il-każ l-iskejjel jieħdu l-prijorità. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Nick Gibb irrifjuta milli jaqta’ barra li jingħalqu l-pubs biex l-iskejjel ikunu jistgħu jibqgħu miftuħin. Madankollu, għamilha ċara li azzjoni simili tista’ ssir fuq livell lokali u mhux fuq livell nazzjonali. Hu saħaq li hi l-prijorità tal-Gvern li jiftaħ l-iskejjel kollha fl-Ingilterra minn Settembru. 

Sostna li dak li qalet Longfield hu tajjeb u li hu importanti li t-tfal imorru l-iskola. Hu qal li l-iskola hi tajba għall-benesseri tat-tfal u għall-edukazzjoni tagħhom fit-tul. 

Il-Gvern Ingliż wiegħed li minn Settembru għandhom jiftħu l-iskejjel, minkejja li qed jiżdiedu l-każi ta’ Coronavirus. Dan qajjem tħassib li jista’ jkun ifisser li jridu jagħlqu l-pubs u r-ristoranti biex il-virus ma jkomplix jinxtered. 

Share With: